L-UE tixtri mediċina għal 30,000 pazjent infettati bil-coronavirus

FILE PHOTO: An ampule of Ebola drug Remdesivir is pictured during a news conference at the University Hospital Eppendorf (UKE) in Hamburg, Germany, April 8, 2020, as the spread of coronavirus disease (COVID-19) continues. Ulrich Perrey/Pool via REUTERS/File Photo

L-Unjoni Ewropea ffirmat kuntratt mal-kumpanija Amerikana Gilead sabiex minn Awwissu ‘l quddiem, ikollha dożi tat-trattament remdesivir għall-pazjenti bil-coronavirus.

L-isem tat-trattament huwa Veklury, u din hija l-ewwel mediċina li ġiet approvata mill-Unjoni Ewropea għat-trattament ta’ dawk infetatti bil-coronavirus. Se tkun disponibbli għal madwar 30,000 pazjent fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u fir-Renju Unit.

Il-kuntratt, li ġie ffirmat jumejn ilu, sewa lill-Kummissjoni Ewropea €63 miljun. Il-Kummissjoni qiegħda tipprepara ftehim għal kuntratt ieħor sabiex jaqdi lill-UE minn Ottubru ‘l quddiem.

Ir-remdesivir hu trattament kontra l-Covid-19 għall-adulti u l-adolexxenti li għalqu t-12-il sena u li jeħtieġu ossiġnu supplimentari minħabba pulmonite. 

Il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Stella Kyriakides, qalet: “Fl-aħħar ġimgħat, il-Kummissjoni kienet qed taħdem bla heda ma’ Gilead biex tilħaq ftehim u tiżgura li l-istokkijiet tal-ewwel trattament awtorizzat kontra l-COVID-19 jiġu kkonsenjati lill-UE. Ilbieraħ, f’inqas minn xahar mill-awtorizzazzjoni tar-Remdesivir, ġie ffirmat kuntratt biex mill-bidu ta’ Awwissu jkunu jistgħu jiġu kkonsenjati trattamenti lil eluf ta’ pazjenti. Il-Kummissjoni qed tagħmel kull sforz possibbli biex tiżgura aċċess għal trattamenti sikuri u effiċjenti, u qed tappoġġa l-iżvilupp ta’ tilqima kontra l-coronavirus. Il-ftehim tal-bieraħ hu pass importanti ieħor ‘il quddiem fil-ġlieda tagħna biex negħlbu din il-marda.”