L-UE titlob lill-partijiet konfliġġenti fil-Libja biex jirtiraw l-operazzjonijiet militari

FILE PHOTO: REUTERS/Esam Omran Al-Fetori

Read in English.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea talab lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt tal-Libja biex jiefqu immedjatament mill-operazzjonijiet militari tagħhom u jinvolvu ruħhom b’mod kostruttiv f’negozjati ta’ paċi.

Hekk kif bl-appoġġ militari tat-Turkija, il-forzi tal-Lvant tal-Libja tkeċċew minn Tripli aktar kmieni dan ix-xahar, intqal li r-Russi kienu qed isaħħu mill-ġdid lil dawn tal-aħħar b’aktar ajruplani tal-gwerra. Dan jista’ jwassal għal eskalazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-kunflitt li qasam lil dan il-pajjiż Afrikan.

L-aħħar ġimgħat kienu kruċjali f’dan il-kunflitt kumpless bejn żewġ koalizzjonijiet kumplessi appoġġjati minn firxa ta’ pajjiżi barranin li għandhom l-aġendi reġjonali tagħhom u għalhekk ma jridux jaċċettaw telfa.

Fi stqarrija konġunta mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, Franza u l-Italja, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE, l-ogħla kariga diplomatika, Josep Borrell, talab lill-partijiet konfliġġenti kollha fil-Libja biex jiftehmu biex iwaqqfu l-ġlied u jirtiraw is-suldati barranin kollha, il-merċenarji kif ukoll tagħmir militari.

Din id-dikjarazzjoni waslet wara sforzi diplomatiċi mill-Ġermanja biex tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Libja. Il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel ilbieraħ esprimiet it-tħassib tagħha dwar din is-sitwazzjoni f’telefonata li kellha mal-President Russu Vladimir Putin, filwaqt li l-ġurnata ta’ qabel tkellmet mal-President Eġizzjan Abdel Fattah al-Sisi.

Ma’ Sisi, Merkel sostniet li n-negozjati, appoġġjati min-Nazzjonijiet Uniti, għandhom jibqgħu parti ċentrali mill-proċess tal-paċi fil-Libja. Dan il-pajjiż huwa maqsum bejn il-Gvern ta’ Unità Nazzjonali, li huwa rikonoxxut mill-komunità internazzjonali li qed jiġġieled kontra l-Armata Nazzjonali Libjana tal-Ġeneral Khalifa Haftar fil-Lvant.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, Sisi propona waqfien mill-ġlied ġdid wara li l-GNA, li għandu l-appoġġ tat-Turkija, kellu sensiela ta’ rebħiet kontra l-forzi ta’ Haftar, li min-naħa tiegħu kien qed isib l-appoġġ tal-Eġittu, ir-Russja u l-Emirati Għarab Magħquda.