L-UE tirrifjuta l-użu ta’ fondi tagħha għaż-żamma tal-immigranti fuq vapuri

Read in English.

Id-deċiżjoni ta’ Malta li żżomm grupp ta’ immigranti fuq numru ta’ vapuri magħrufa bħala pleasure boats ma sabitx is-sapport tal-Kummissjoni Ewropea. Dan hekk kif il-KE rrifjutat it-talba tal-Gvern Malti biex jinħarġu fondi Ewropej li jkopru l-ispejjeż ta’ din il-prattika kontroversjali.

Għal 40 jum sħaħ, il-Gvern Malti kien qed iżomm grupp ta’ immigranti fuq vapuri tal-Captain Morgan u tas-Supreme Cruises ‘il barra mill-Kosta Maltija wara li kienu salvati mill-għarqa. Sa qabel ma ddaħħlu Malta, l-għadd ta’ immigranti kien tela’ għal 425 persuna. Dawn iddaħħlu Malta kmieni l-Ħadd filgħodu.

Il-ġurnal Times of Malta rrapporta li l-gvern ipprova juża l-Fond għall-Ażil, l-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni li fadallu mal-€10 miljun disponibbli għall-użu. Minkejja dan, dawk li kienu msejħa bħala “ħabs fuq il-baħar” ma nstabux li huma eliġibbli għal dan it-tip ta’ sapport.

Wara d-deċiżjoni kontroversjali li jintbagħtu grupp ta’ persuni f’periklu li jgħerqu lura l-Libja, mossa li kisret il-liġi internazzjonali marittima, il-gvern biddel it-tattika tiegħu. F’April il-gvern iġġustifika l-aġir tiegħu fuq il-bażi li l-portijiet Maltin kienu magħluqa. Wara, il-Gvern beda jħallas €3,000 għal kuljum għal kull vapur biex iżomm lill-persuni salvati fuqhom b’mod indefinit.

Iż-żamma tal-immigranti li ntemmet il-Ħadd li għadda kienet riżultat ta’ kommossjoni li qamet fuq wieħed mill-vapuri tal-Captain Morgan magħruf bħala Europa II.

F’reazzjoni dwar dan, The Daphne Caruana Galizia Foundation qalet li ż-żamma ta’ dawn l-immigranti fuq vapuri kienet illegali, krudili u kastig mhux tas-soltu. Qalet ukoll li l-vapuri huma propjetà tal-familja Zammit Tabona, li huma donaturi kbar tal-Partit Laburista.

BREAKING: The EU rejected the Prime Minister's request to fund the Zammit Tabona/Captain Morgan floating prisons. It…

Posted by The Daphne Caruana Galizia Foundation on Tuesday, June 9, 2020