L-UE tipproponi regoli sabiex jitwaqqaf il-finanzjament ta’ gruppi terroristiċi

L-Ewroparlamentari Alfred Sant irrimarka li l-Unjoni Ewropea qed tipproponi regoli ġodda biex twaqqaf l-impurtazzjoni ta’ oġetti tal-arti minn pajjiżi barra l-UE, li bosta drabi l-flus minnhom imorru għand għaqdiet terroristiċi jew kriminali oħra.
Ir-regoli se jkunu japplikaw għal oġġetti artistiċi li jkunu nħarġu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom b’mod illegali.
Sant jikkwota lill-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, li jiddeskrivi l-flus li jiġu minn dawn il-bċejjeċ bħala n-nifs ta’ dawn l-għaqdiet kriminali. Timmermans ikompli jgħid li meta l-Ewropa ma tħallix dawn l-oġġetti jidħlu tkun qed twaqqaf il-finanzjament ta’ gruppi bħad-Daesh, jew kif inhuma magħrufa aħjar, l-ISIS.
L-UE diġà tipprojbixxi l-imprtazzjoni ta’ oġġetti artistiċi mill-Iraq u s-Sirja, iżda sal-lum għad m’hemmx qafas stabbilit fuq din l-isfida.
Sant jisħaq tinħtieġ struttura Ewropea, għax il-liġijiet nazzjonali bosta drabi huma ineffiċjenti.
Fost ir-regoli l-ġodda hemm sistema rigoruża ta’ ċertifikazzjoni li turi li l-oġġett ikun esportat b’mod legali minn terzi pajjiżi, u tinħtieġ liċenzja mill-awtoritajiet Ewropej kompetenti qabel ma jkun jista’ jiddaħħal oġġett fl-Ewropa. L-uffiċċjali tad-dwana se jkollhom il-poter iżommu l-oġġetti f’każ ta’ nuqqas ta’ dokumentazzjoni u provi ta’ dan it-tip.
Is-suq awtentiku u globali tal-arti u l-antikitajiet kellu bejgħ stmat li jlaħħaq is-€56 biljun fl-2016.  Minn din is-somma is-suq Ewropew laħħaq id-€19-il biljun ewro.
Ir-regolamenti l-ġodda issa jridu jgħaddu mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.