“L-UE tikkunsidra iktar taxxi fuq is-servizzi finanzjarji” – Alfred Sant

Read in English.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li l-UE qed tikkunsidra taxxi ġodda fuq bażi Ewropea, fosthom taxxa fuq il-plastik, fuq is-servizzi finanzjarji u taxxi komuni fuq l-ekonomiji tal-istati membri kollha tal-UE.

Waqt li kien qed jitkellem fiż-Żejtun dwar il-fondi li se tieħu Malta bejn is-snin 2020-2027, sostna li Malta jixirqilha għajnuna finanzjarja ġdida mill-UE. Qal li dan huwa importanti minħabba l-pożizzjoni ġeografika tal-pajjiż u biex tagħmel tajjeb għal telf ta’ fondi li jista’ jkun hemm mill-Fondi ta’ Koeżjoni fil-Budget il-ġdid tal-UE.

Semma kif bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se toħloq problema għall-UE għax se jonqos il-kontribut ta’ dan il-pajjiż għall-baġit Ewropew.

Fl-istess waqt qal li l-problemi tal-immigrazzjoni se jżidu l-piż biex l-UE tħares il-fruntieri tagħha. Alfred Sant qal li dan kollu qed jiġri wkoll meta l-UE fehmet li ma tistax tistrieħ aktar fuq l-Istati Uniti wara l-ħatra ta’ Trump.