L-UE tikkunsidra fond ta’ rkupru mingħajr il-Polonja u l-Ungerija

Read in English.

L-Unjoni Ewropea qed tikkunsidra modi ta’ kif tista’ tibqa’ għaddejja bil-ħolqien tal-fond ta’ rkupru tal-Covid-19 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Ungerija u l-Polonja, skont twissija ta’ uffiċjal għoli tal-Kummissjoni Ewropea. Dan ikompli jpoġġi aktar pressjoni fuq iż-żewġ pajjiżi biex iwaqqgħu l-veto fuq il-baġit tal-Unjoni.

Skont rapporti li dehru fuq l-FT u aġenziji tal-aħbarijiet, il-25 Stat Membru qed jikkunsidraw li jipproċedu bil-fond ta’ rkupru mill-pandemija, li jammonta għal €750 biljun għas-sena d-dieħla u li jservi ta’ “pont” sakemm l-Ungerija u l-Polonja jibdlu d-deċiżjoni tagħhom li jibqgħu jopponu l-pakkett sħiħ ta’ €1.8 triljun li jinkludi kemm il-baġit għas-seba’ snin li ġejjin kif ukoll il-pakkett ta’ rkurpu.

Il-fatt li l-kummissjoni qed tikkunsidra din il-pożizzjoni estrema turi s-severità tas-sitwazzjoni ma’ Varsavja u Budapest, bil-Gvernijiet l-oħra jinkwetaw li dan se jwassal biex jiġu ffriżati biljuni ta’ ewro li huma kruċjali għall-ekonomiji li jinsabu f’diffikultà. 

Il-mexxejja tal-UE mistennija jiltaqgħu fi Brussell il-ġimgħa d-dieħla biex jiddiskutu l-kriżi baġitarja wara li l-Ungerija u l-Polonja komplew joġġezzjonaw għall-inklużjoni tal-mekkaniżmu tas-saltna tad-dritt li huma jqisu huwa mmirat lejhom.