L-UE tikkonferma l-lista ‘sikura’ għall-ivvjaġġar, teskludi l-Istati Uniti

/Guglielmo Mangiapane

Read in English.

L-Unjoni Ewropea eskludiet lill-Istati Uniti mil-‘lista sikura’ inizjali tagħha ta’ pajjiżi minn fejn il-blokk se jippermetti vjaġġar mhux essenzjali li se jibda minn nhar l-Erbgħa.

Il-blokk ta’ 27 stat membru nhar it-Tlieta approva vjaġġar għal skopijiet ta’ divertiment jew għan-negozju minn 14-il pajjiż barra mill-fruntieri tiegħu, qal f’dikjarazzjoni l-Kunsill tal-UE li jirrappreżenta lill-gvernijiet tal-UE.

Il-pajjiżi huma l-Alġerija, l-Awstralja, il-Kanada, Georgia, il-Ġappun, Montenegro, il-Marokk, New Zealand, ir-Rwanda, is-Serbja, il-Korea t’Isfel, it-Tajlandja, it-Tuniżija u l-Urugwaj.

Vjaġġi miċ-Ċina ġew approvati wkoll b’mod proviżorju, għalkemm l-ivjaġġar se jiftaħ biss ladarba l-awtoritajiet Ċiniżi jippermettu vjaġġaturi mill-UE. Ir-reċiproċità hija kundizzjoni biex pajjiż ikun inkluż fuq il-lista.

Ir-Russja, il-Brażil u t-Turkija, kif ukoll l-Istati Uniti, huma fost il-pajjiżi fejn huwa meqjus li l-kontroll tal-virus għadu f’livell agħar minn dak tal-medja tal-UE, u għalhekk dawn se jkollhom jistennew mill-anqas ġimgħatejn biex jiġu kkunsidrati mill-ġdid. Il-blokk se jwettaq reviżjoni tal-lista kull ġimgħatejn.

Dan il-pass għandu l-għan li jappoġġja l-industrija tal-ivvjaġġar lejn l-UE u lid-destinazzjonijiet turistiċi, l-aktar lejn il-pajjiżi fin-nofsinhar tal-Ewropa li ntlaqtu l-agħar mill-pandemija tal-COVID-19.

Il-lista kienet tirrikjedi ‘maġġoranza kwalifikata’ ta’ pajjiżi tal-UE biex tiġi approvata, li tfisser 15-il pajjiż tal-UE li jirrappreżentaw 65% tal-popolazzjoni.

Din il-lista taġixxi bħala rakkomandazzjoni għall-membri tal-UE, jiġifieri l-pajjiżi potenzjalment jistgħu jistabbilixxu restrizzjonijiet indipendenti fuq dawk li ġejjin minn dawn l-14-il pajjiż, u li ċertament mhux se jippermettu vjaġġaturi minn pajjiżi oħra.

L-isforzi tal-UE biex terġa’ tiftaħ il-fruntieri interni, l-aktar fiż-żona Schengen li tinkludi 26 pajjiż, u li normalment m’għandha l-ebda kontroll bejn il-fruntieri, kienu inkonsistenti minħabba li diversi pajjiżi implimentaw aċċess ristrett għal ċerti viżitaturi.

Il-Greċja qed timponi testijiet tal-COVID-19 għal persuni li ġejjin minn varjetà ta’ pajjiżi tal-UE, inkluż Franza, l-Italja, l-Olanda u Spanja, u l-vjaġġaturi jridu joqgħodu f’iżolament sakemm joħorġu r-riżultati.

Ir-Repubblika Ċeka mhux qed tippermetti turisti mill-Portugall u mill-Iżvezja.

Residenti Brittanniċi jistgħu jivvjaġġaw ukoll lejn diversi pajjiżi fl-UE, għalkemm dawk li jivvjaġġaw għal raġunijiet mhux essenzjali huma meħtieġa li joqgħodu fi kwarantina għal 14-il jum.