L-UE tiddiskuti l-involviment tagħha fil-Libja

FILE PHOTO: European Union's foreign policy chief Josep Borrell addresses the European Parliament regarding the situation in Iran and Iraq, in Strasbourg, France January 14, 2020. REUTERS/Vincent Kessler

L-Unjoni Ewropea se tiddiskuti l-mod li tħoss li għandu jkun l-iktar effettiv biex il-ftehim formali ta’ waqfien mill-ġlied fil-Libja jiġi infurzat. Ir-rappreżentant għoli tal-Unjoni Ewropea Josep Borrell qal li kull ftehim ta’ paċi fil-pajjiż jeħtieġ l-appoġġ reali tal-Unjoni Ewropea. 

Meta mistoqsi jekk l-Unjoni Ewropea hix lesta li tibgħat missjoni militari għaż-żamma tal-paċi, Borrell qal li ftehim ta’ waqfien mill-ġlied jeħtieġ li jkun hemm xi ħadd li jieħu ħsiebu. Wieħed ma’ jistax sempliċiment jgħid li hemm waqfien mill-ġlied u ma’ jindukrahx jew jamministrah. 

Forzi barranin ftehmu fis-summit ta’ Berlin il-Ħadd kif se jkunu jistgħu jaħdmu biex jappoġġjaw ftehim li sa issa kien wieħed dgħajjef u mhux osservat mill-partijiet ikkonċernati. 

L-Unjoni Ewropea għandha missjonijiet militari f’għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja, madankollu ċ-ċirkostanzi fil-Libja jwasslu għal problemi għas-sigurtà, tant li kien hemm problemi biex l-Unjoni Ewropea żżomm missjoni fil-Libja biex tgħin lil dik tal-Ġnus Magħquda. 

Meta mistoqsi dwar jekk għandhiex tiġi riattivata l-missjoni navali Ewropea qrib il-kosta Libjana, Borrell qal li jħoss li hemm il-ħtieġa li din tiġi riattivata. Il-missjoni Sophia ġiet sospiża f’Marzu tas-sena l-oħra wara li l-Italja kienet iddikjarat li ma’ setgħetx tilqa’ aktar immigranti. 

Il-gvernijiet Ewropej kienu ħassew li din il-missjoni kienet waħda effettiva, u riedu li titkompla, b’mod partikolari biex tnaffar lit-traffikanti tal-immigranti u tgħasses kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi lejn il-Libja.