L-UE tiddiskuti l-ftuħ tal-fruntieri minħabba t-turiżmu

Read in English.

L-Eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea nhar l-Erbgħa se jirrakkomanda li r-restrizzjonijiet fuq il-fruntieri għandhom jitneħħew bil-mod u l-ivvjaġġar li twaqqaf minħabba l-pandemija tal-coronavirus jitħalla jerġa’ jibda sabiex tingħata spinta lit-turiżmu, industrija ewlenija fis-27 Stat Membru tal-Unjoni. 

Kważi l-ivvjaġġar kollu twaqqaf fl-Ewropa, u dan kien detrimentali għas-settur tat-turiżmu li normalment jikkontribwixxi għal madwar 10% tar-rendiment ekonomiku tal-UE. 

Anke fiż-żona Schengen, li tinkludi 26 Stat Membru kif ukoll pajjiżi Ewropej oħra, u fejn normalment ma jeżistux fruntieri, mill-anqas 17-il pajjiż stabbilixxew kontrolli ta’ emerġenza mal-fruntieri sabiex jikkontrollaw il-virus.

L-eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea se jipproponi numru ta’ rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti, fosthom li l-projbizzjoni ġenerali fuq l-ivvjaġġar tiġi sostitwita minn restrizzjonijiet aktar iffukati, u li l-kontrolli fuq il-fruntieri interni jitneħħew gradwalment hekk kif is-sitwazzjoni tas-saħħa tibqa’ titjieb.

It-tliet stati Baltiċi diġà ddeċidew li jiftħu l-fruntieri bejniethom mill-15 ta’ Mejju, biex b’hekk tinħoloq “bużżieqa ta’ vjaġġar” ġewwa l-UE filwaqt li jkomplu jintreħew il-miżuri kontra l-pandemija.

Madankollu, l-istampa globali mhix daqshekk pożittiva, u bosta pajjiżi li qed jirrilassaw b’kawtela l-aktar miżuri ħarxa ta’ lockdown qed jikkunsidraw li jimponu perjodu ta’ kwarantina ta’ ġimgħatejn għal persuni li jidħlu minn barra l-pajjiż. 

Il-Kummissjoni tqis li jistgħu jintilfu madwar 6.4 miljun impjieg fis-settur tat-turiżmu, qasam fejn kienu jaħdmu 12-il miljun persuna qabel din il-kriżi.

Is-settur tilef bejn 80 u 90% tad-dħul fl-ewwel tliet xhur tal-2020, skont erba’ gruppi differenti fl-industrija tat-turiżmu, u qed jipprepara għal staġun diżastruż dan is-sajf hekk kif l-UE qed taffaċċa l-agħar reċessjoni fl-istorja tagħha.

EFFAT, FoodDrinkEurope, FoodServiceEurope u HOTREC qalu li sehem sinifikanti mill-fond ta’ triljun Euro għall-irkupru tal-ekonomija wara l-epidemija tal-COVID li qed jiġi diskuss mill-blokk għandu jintuża bħala appoġġ għal dan is-settur. Huma qalu li jinħtieġu appoġġ f’forma ta’ likwidità u stimoli fiskali, kif ukoll riżorsi oħra sabiex jiġu protetti l-impjiegi. 

Il-Kummissjoni qed tirrifjuta talbiet minn linji tal-ajru u minn grupp ta’ Stati Membri tal-UE mmexxija mill-Ġermanja, sabiex l-UE tissospendi l-liġijiet li jiggarantixxu li tingħata rifużjoni sħiħa fi flus lil vjaġġaturi minħabba titjiriet u vjaġġi li jiġu kkanċellati. 

Minflok din se tirrakkomanda li linji tal-ajru u kumpaniji tal-ivvjaġġar, li bħalissa għandhom problemi ta’ finanzi, joffru vawċers b’aktar inċentivi minflok flus, sabiex il-klijenti li tilfu l-vjaġġi tagħhom jaċċettaw din l-alternattiva.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn