L-UE tgħin fir-restawr tal-pitturi fil-knisja ta’ San Pawl fir-Rabat

Rememberance Sunday Valletta
church.mt/photos

Tlesta l-proġett ta’ konservazzjoni u restawr tal-pitturi li jinsabu mas-saqaf tal-kappella ddedikata lil Sant’Antnin fil-Bażilika Minuri ta’ San Pawl fir-Rabat. Ix-xogħol ta’ restawr, li ammonta għal madwar €80,000 sar b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Dan ix-xogħol ġie inawgurat dalgħodu mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross u l-Arċipriet Kan. Louis Suban.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-pitturi tal-artist Taljan Eliodoro Coccoli, mal-medda tas-snin ġarrbu diversi ħsarat minħabba ilma tax-xita li daħal mis-saqaf tal-knisja. Kien għalhekk li kien hemm bżonn isir restawr urġenti sabiex jiġu kkonservati l-pitturi li ġew impittra fuq it-tila u fuq il-ħajt madwar 90 sena ilu.

L-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li mhuwiex biss il-poplu tar-Rabat li qed igawdi minn dan il-proġett ta’ restawr imma hi l-Knisja kollha f’Malta u s-soċjetà Maltija. Dan għaliex “din il-ħidma ta’ restawr turi li aħna nieħdu b’responsabbiltà d-dmir li għandna li dak li hu sabiħ mhux biss ngħożżuh u nħarsuh għalina imma wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri”.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-proġett huwa parti minn proġett ferm akbar, fejn qed issir konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali reliġjuż madwar il-gżejjer Maltin. Huwa saħaq li permezz ta’ proġetti bħal dawn qed inkomplu nsaħħu l-prodott turistiku tal-gżejjer Maltin, hekk kif skont studju li sar madwar 70.6% tat-turisti li ġew Malta f’2015 żaru r-Rabat u l-Imdina.

Michael Pace Ross qal li dan huwa l-ħames proġett li sar mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arcidjocesi ta’ Malta bil-għajnuna ta’ fondi Ewropej, wara dawk tal-Bidnija, l-Imdina, il-Mosta u Ħal Balzan.