L-UE tgħid “le” għall-pestiċidi li joqtlu lin-naħal

L-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tipprojbixxi l-pestiċidi li jagħmlu ħsara lin-naħal.
Il-projbizzjoni ġiet approvata llum, b’16-il Stat Membru jivvota favurha, inkluż il-Gvern Malti, filwaqt li 4 pajjiżi opponew, u 8 astjenew.
Dan ifisser li sal-aħħar tas-sena, dil-liġi se tkun qed tipprojbixxi li l-insettiċidi li jaqgħu taħt il-kategorija tan-neonikotinojdi se jkunu jistgħu jintużaw biss fil-magħluq.
Dan ikompli mal-projbizzjoni tal-2013, li fiha kien hemm tliet neonikotinojdi. Dakinhar l-UE kienet għamlitha illegali li jintużaw dawn l-insettiċidi fuq il-panta li tipproduċi ż-żerriegħa tal-kolza (oil seed rape).
“Rebħa tremenda għan-naħal u l-ambjent” – Friends of the Earth
Sadanittant, l-organizzazzjoni mhux governattiva, Friends of the Earth – Malta (FoE) qalet li din tista’ titqies rebħa tremenda kemm għan-naħal kif ukoll għall-ambjent.
Ipproponiet lill-Kummissjoni Ewropea biex issa tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ inizjattiva ta’ dakkir li tippromwovi ħabitat tajjeb għan-naħal u timbotta lill-bdiewa jnaqqsu u jaqtgħu l-pestiċidi.
Martin Galea de Giovanni faħħar il-vot ta’ Malta u s-sapport tal-awtoritajiet lil din id-deċiżjoni, u fisser kif l-FoE qed tipproponi lill-Gvern biex isensel qafas nazzjonali għan-naħal u d-dakkir b’rabta mal-bijodiversità u l-bidla fil-klima.
Qal li dan diġà jsir fl-Olanda, l-Ingilterra, l-Iskozja, Wales, l-Irlanda, Franza u n-Norveġja.
L-FoE qed jitolbu wkoll bidla radikali fis-sistema tal-biedja u l-ikel fl-UE sabiex maż-żmien issir dejjem anqas dipendenti fuq il-pestiċidi.