L-UE testendi s-sanzjonijiet kontra r-Russja

Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE qablu li jestendu s-sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-Russja, sa Jannar li ġej.
L-għan hu biex tinħoloq iktar pressjoni fuq il-pajjiż biex jirrispetta l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied mal-Ukraina, iffirmat fi Frar imma li kważi fl-ebda ħin ma ġie rispettat.
Fl-istess laqgħa fi Brussell, ġiet diskussa l-immigrazzjoni u l-pjan tal-UE li jinqerdu d-dgħajjes użati mit-traffikanti.
Is-sanzjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti jolqtu l-iktar lill-banek statali Russi, imma wkoll l-oqsma militari u ta’ enerġija. Dawn daħlu fis-seħħ wara li Moska rabtet magħha lill-Krimea f’Marzu tal-2014.
Sadattant, fl-istess reġjun, l-Istat Iżlamiku ħabbar li aċċetta s-sħubija ta’ gruppi ġiħadisti, li tahom l-isem “il-provinċja tal-Kawkasu”. Il-provinċja tinkludi liċ-Ċeċnja, id-Dagestan, u reġjuni oħra fl-inħawi li fihom tgħix popolazzjoni b’maġġoranza Musulmana.