L-UE tagħlaq għajnejha għall-mewt ta’ 80 persuna – Sea-Watch

UE mewt 80 persuna Sea-Watch

L-Unjoni Ewropea (UE) għalqet għajnejha għall-mewt ta’ 80 persuna wara li dawn ittieħdu lejn il-Libja skont l-għaqda li ssalva lill-immigranti Sea-Watch.

Fuq Twitter, l-għaqda qalet li d-dgħajsa ntlemħet ilbieraħ mill-għaqda PVolontaires. Din ġiet interċettata u ttieħdet lejn il-Libja wara li kien ilha disa’ sigħat fil-baħar. Skont is-Sea-Watch, Ruma ma riditx taċċetta responsabbilità għad-dgħajsa u rreferiet il-każ lill-Gwardja tal-Kosta Libjana. L-għaqda kompliet tgħid li l-awtoritajiet Libjani ma semgħux l-appell għall-għajnuna tad-dgħajsa għal diversi sigħat.

Skont is-Sea-Watch, vapur tal-merkanzija kien qed josserva s-sitwazzjoni imma beża’ jintervjeni għax ħaseb li seta’ jiġrilu bħall-bastimenti l-Aquarius, Lifeline, u Diciotti.

Il-Kaptan tal- bastiment MV Lifeline  Claus-Peter Reisch kien tressaq il-Qorti wara li daħal bil-bastiment f’Malta li fuqu kien hemm abbord 234 persuna li ġew salvati mill-għarqa. L-għaqdiet Mission Lifeline u Sea-Watch flimkien mal-għaqda SeaEye għandhom l-bastimenti tagħhom maqbuda f’Malta. L-ajruplan tat-tfittxija Moonbird tal-għaqda SeaWatch ukoll ma tħalliex jitajjar minn Malta.

“Wara li nħatfu mill-hekk imsejħa Gwardja tal-Kosta Libjana, dawk li salvaw qed jistennew id-detenzjoni llegali f’kampijiet mingħajr aċċess għall-kura tas-saħħa jew ikel, fejn it-tortura, l-iskjavitù, u l-abbuż sesswali huma regolari” qalet is-Sea-Watch.