L-UE se tiddiskuti s-sitwazzjoni fl-Eġittu nhar it-Tnejn

Diplomatiċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea mistennija jiltaqgħu fil-jum tat-Tnejn fi Brussell sabiex jiddiskutu s-sitwazzjoni fl-Eġittu.

Diversi stati Ewropej diġa ssuġġerew formalment li jwaqqfu l-għajnuna Ewropea lill-Eġittu. Dan wara li f’Novembru li għadda, kien sar ftehim għall-pakkett t’għajnuna li jlaħħaq il-€5 biljun li jinkludu miljun minnhom mill-Unjoni Ewropea, bil-kumplament b’self mill-Fond Monetarju Internazzjonali.

Fil-laqgħa t’emerġenza li mistennija ssir nhar it-Tnejn, jista’ jagħti l-każ li jiġu mponuti sanzjonijiet kontra membri tal-Gvern interim jew il-militar.

Għaldaqstant hu mifhum li għat-taħdidiet ta’ nhar it-Tnejn, se jattendu l-Ministri tal-Affarijiet Barranin mill-pajjiżi membri biex jiddiskutu l-kriżi fl-Eġittu.

Ta’ min jgħid li d-Danimarka diġa ħabbret li ssospendiet żewġ proġetti li qed tagħmel flimkien mal-Gvern Eġizzjan.