UE aktar sinjura u f’saħħitha; Kibret l-inugwaljanza bejn is-sessi

Reuters

Read in English.

Il-kriminalità, il-vjolenza, il-faqar, il-mard u t-tniġġis tal-arja kollha naqsu fl-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar ħames snin, iżda l-inugwaljanza bejn is-sessi marret għall-agħar u l-isforzi biex tkun miġġielda l-bidla tal-klima ftit ħallew frott.

Dan ħareġ minn rapport ippubblikat mill-uffiċċju tal-istatistika tal-UE, il-Eurostat, li kejjel il-progress lejn is-17-il Għan għal Żvilupp Sostenibbli bejn l-2014 u l-2019.

Dwar bostha minnhom, il-maġġoranza tal-Istati Membri rreġistraw xi forma ta’ progress.

Qtil permezz ta’ omiċidju jew vjolenza oħra, u l-perċezzjoni dwar l-ammont ta’ kriminalità, vjolenza u vandaliżmu naqsu. Il-Gvernijiet nefqu aktar fuq il-Qrati, fattur li żied il-kunfidenza fl-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja.

Aktar persuni kienu f’pożizzjoni li jilħqu l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom, fosthom kura medika u akkomodazzjoni xierqa. Inqas nies saru jpejpu filwaqt li kien irriżultat tnaqqis fit-tniġġis, kemm tal-arja u kemm mill-ħsejjes.

Madankollu, element negattiv ta’ dan ir-rapport kien il-fatt li kibret id-disparità bejn is-sessi. Filwaqt li d-dħul fis-siegħa tan-nisa bil-mod il-mod riesaq lejn dak tal-irġiel, u l-perċentwal ta’ nisa f’pożizzjonijiet ewlenin f’kumpaniji ewlenin kiber, Eurostat qalet li l-bilanċ ġenerali kien negattiv.

L-aġenzija rrimarkat kif l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol kibru u ħafna aktar nisa milli rġiel kienu ekonomikament inattivi għaliex kienu qed jieħdu ħsieb it-tfal jew l-anzjani.

Dwar il-bidla tal-klima, l-Eurostat qalet li ftit li xejn sar progress, u nnutat li ftit li xejn kien hemm titjib fl-isforzi li jitnaqqsu l-emissjonijiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent tul l-aħħar ħames snin.