L-UE rieqda dwar in-natura; il-BirdLife tipprotesta fi Brussell

Għadd ta’ dimostranti niżlu fi Brussell u talbu għal azzjonijiet konkreti u iktar flus għan-natura fil-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea.
BirdLife Europe, immexxija minn NABU jew BirdLife tal-Ġermanja, flimkien ma’ 132 għaqda oħra mhux governattiva ipprotestaw fi Brussell waqt li kienu għaddejjin laqgħat bejn il-mexxejja tal-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea.
Il-mexxejja jinsabu f’taħditiet biex jinnegozjaw il-baġit tal-UE.
Il-BirdLife Europe sejħet lill-mexxejja biex jiksru s- ‘Silenzju tal-Mexxejja’ filwaqt li sostnew li l-konservazzjoni tan-natura hija assenti għalkollox mid-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa u l-baġit tal-UE.
Id-dimostranti libsu maskri bl-uċuħ tal-mexxejja differenti ispirati mill-film popolari ‘Silence of the Lambs’. Huma sejħu għal iktar fondi biex tiġi mħarsa u mtejba l-bijodiversità.
Il-BirdLife Europe fakkret fil-Miri Globali tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Iżvilupp Sostenibbli (SDGs) u kif l-UE kienet iddikjarat li taqbel magħhom. Fi kliemhom iżda l-UE mhi tagħmel xejn biex twettaqhom.
Tkellem l-Uffiċjal għall-Agrikoltura u l-Bijoenerġija tal-UE milll-BirdLife Europe, Harriet Bradley, li qal li l-baġit irid ikollu figuri konkreti u reali għan-natura.
Fost l-għaqdiet li appoġġjaw din id-dimostrazzjoni kien hemm għaqdiet ambjentali mhux governattivi oħra minn Malta flimkien mal-BirdLife Malta.