L-UE mistennija tapprova t-tieni vaċċin kontra l-Covid-19 ‘fis-sigħat li ġejjin’

Charles Michel waqt konferenza stampa f'Lisbona fil-5 ta' Jannar, 2021. Ritratt ta' Dario Pignatelli (© Unjoni Ewropea)

Read in English.

L-Unjoni Ewropea mistennija tapprova it-tieni vaċċin kontra l-Covid-19 “fis-sigħat li ġejjin,” skont il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.

Michel ħabbar dan f’konferenza stampa li għamel mal-Prim Ministru tal-Portugall António Costa, fl-okkażjoni tal-bidu tal-Presidenza Portugiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

S’issa, l-UE approvat vaċċin wieħed biss – dak żviluppat minn BioNTech u Pfizer – għall-użu mill-istati membri, filwaqt li ħafna pajjiżi madwar id-dinja approvaw ukoll vaċċini oħrajn, bħal dak tal-Moderna u dak żviluppat mill-Univeristà ta’ Oxford u AstraZeneca.

Michel, però, iddefenda l-proċess li qed tħaddan l-UE. Qal li filwaqt li l-unjoni qed tagħmel minn kollox biex tiżdied id-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-Covid-19, kien importanti li tiġi mħarasa l-indipendenza tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini. Din, qal Michel, isservi bħala garanzija tat-trasparenza u l-kredibilità tal-proċess.

Il-President tal-Kunsill fakkar ukoll li l-UE kellha rwol importanti fl-iżvilupp tal-vaċċini kontra l-Covid-19, inkluż permezz tas-sitt kuntratti li l-Kummissjoni Ewropea ffirmat ma’ kumpaniji li qed jiżviluppaw vaċċin għax-xiri tad-dożi. Apparti l-vaċċini ta’ Pfizer/BioNTech, tal-Moderna u ta’ Oxford/AstraZeneca hemm ukoll dawk li qed jiġu żviluppati minn Sanofi-GSK, CureVac u Janssen.