L-UE mhu se tieħu l-ebda rwol fid-diskussjonijiet mal-Katalunja

Il-President tal-Kunsill Ewroprew, Donald Tusk, qal li l-Unjoni Ewropea mhu se tieħu l-ebda azzjoni dwar il-kwistjoni tal-Katalunja, minkejja li ammetta li s-sitwazzjoni hija inkwetanti.
Waqt konferenza konġunta mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, Donald Tusk qal li “ma hemm l-ebda lok ta’ xi tip ta’ medjazzjoni jew inizjattiva internazzjonali dwar il-Katalunja.”
Minkejja dan qal li qed iżomm kuntatt kontinwu mal-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy.
Il-Katalani vvuttaw biex jinqatgħu minn Spanja minkejja li kemm il-Gvern f’Madrid u anke l-Qorti Kostituzzjonali Spanjola qalu li r-referendum huwa illegali u għalhekk mhux se jaċċettawh.
Minkejja dan, il-President tar-reġjun tal-Katalunja, Carles Puigedemont qal li qed jintrabat mal-vot favur l-indipendenza iżda qal li l-ewwel irid jinnegozja soluzzjoni ma’ Spanja.
Id-dikjarazzjoni ta’ Tusk ġiet ftit wara li l-Gvern Spanjol beda proċess biex jimponi deċiżjoni diretta fuq dan ir-reġjun awtonomu.
Ftit sigħat qabel jibda summit tal-Kunsill Ewropew, Tusk saħansitra qal li l-kwistjoni fil-Katalunja lanqas biss qiegħda fuq l-aġenda tal-laqgħa.
Mexxejja oħra, fosthom l-Kanċillier Ġermaniż u l-President Spanjol diġà ddikkjaraw li jinsabu wara Spanja.