“L-UE ma tistax tinsa l-importanza tal-istabbiltà fil-Mediterran” – Dr Muscat

Fl-intervent tiegħu waqt il-konferenza organizzat minn The Economist, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li filwaqt li l-Ewropa bħalissa qed tħares lejn il-lvant b'dak li qed jiġri fl-Ukraina, ma nistgħux ninsew li s-sigurtà fil-Mediterran hija kruċjali għall-istabbiltà Ewropea.
Staqsa jekk l-Unjoni Ewropea kinitx ippreparata għal dak li kien qed jinqala' fil-fruntiera.
Dr Muscat enfasizza li dawn huma żminijiet importanti għall-Unjoni Ewropea biex timxi 'l quddiem.
Qal li ż-żmien tal-kriżi ekonomika fiż-żona ewro wassal għal nuqqas ta' kunfidenza.
Fi żmien meta ekonomiji oħra bħaċ-Ċina kibru u avvanzaw, l-Ewropa qisa bdiet mill-bidu.
Il-Prim Ministru qal li l-Ewropa għandha l-istrutturi kollha biex tkun forza ewlenija dinjija fosthom il-qafas demokratiku u l-ħidmiet bħall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, l-esportazzjoni, il-kultura u fl-ambjent speċjalment fit-tibdil tal-klima.
Muscat qal li għalhekk l-Ewropa tinsab f'pożizzjoni li tagħmel pressjoni pożittiva.
Il-Prim Ministru qal li Malta hija Ewropea imma wkoll Mediterranja u għalhekk ninsabu imħassbin b'dak li qed jiġri f'pajjiżi ġirien fosthom fil-Libja.
Tkellem dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni rregolari, it-traffikar tal-bniedem u saħaq li ma jridx ikun parti miċ-ċimiterju li qed isir il-Mediterran.
Dr Muscat tkellem ukoll fuq iċ-CHOGM, li Malta se torganizza u qal li pajjiżna irid ikun ħabib mal-pajjiżi kollha.