L-UE ma tistax timponi l-abort fuq Malta – Micallef

Il-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Robert Micallef qal li l-protokol li hemm bejn Malta u l-Unjoni Ewropea tagħmilha “pjuttost ċara” li l-UE ma tistax timponi l-introduzzjoni ta’ liġi dwar l-abort f’Malta, anke jekk l-UE tbiddel il-pożizzjoni tagħha dwar il-kwistjoni.

Fi stqarrija Micallef qal li huwa diffiċli tispjega l-attitudni tal-Partit Nazzjonalista tul din il-kampanja elettorali meta ż-żewġ partiti l-kbar ilhom li ddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom kontra l-abort. Qal li huwa ta’ dispjaċir li l-PN irid iqajjem din il-kwistjoni “diviżiva” waqt kampanja li fil-fehma tiegħu kienet waħda “healthy”.

Dmir ta’ kull rappreżentant li jibqa’ viċin in-nies – Cutajar

Il-kandidata tal-PL Josianne Cutajar qalet li huwa d-dmir ta’ kull rappreżentant tal-poplu Malti li jibqa’ viċin in-nies.

Fi stqarrija Cutajar appellat lin-nies biex iħalluha ssewwi l-“ħsara” li saret lil Malta fl-Ewropa matul l-aħħar snin. Qalet ukoll li mhux se taċċetta li Maltin stess jagħmlu deni lill-postijiet tax-xogħol tal-Maltin u li “b’gidba jirriskjaw kull ma nkiseb mill-pajjiż.”