L-UE ma tistax tibqa’ tħalli l-frontliners tal-immigrazzjoni waħedhom – Abela

DOI - Jason Borg

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ tħalli lil Malta u l-Italja, li huma frontliners tal-immigrazzjoni waħedhom. Hu qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta mal-Mexxejja tal-pajjiżi ta’ nofsinhar tal-Unjoni Ewropea waqt is-Summit Med 7 organizzat mill-Presidenza Franċiża fuq il-gżira ta’ Korsika.

“Il-pressjonijiet li hemm bir-rotta migratorja fiċ-ċentru tal-Mediterran ilhom jiżdiedu għal numru ta’ żmien iżda aħna ma nistgħux nibqgħu naffaċċjaw din il-kriżi dgħajsa, dgħajsa, l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ tħalli pajjiżi frontliners bħal Malta u l-Italja waħidhom,” insista l-Prim Ministru Malti.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Unjoni Ewropea mhux qed tagħti l-importanza meħtieġa lil din il-kwistjoni. Filwaqt li rrikonoxxa l-għajnuna li xi pajjiżi qegħdin jagħtu, sostna li ma jistax ikun li jibqa’ jkun hemm każijiet spissi ta’ immigranti li jibqgħu jitħallew fuq dgħajjes f’nofs il-Mediterran ħafna drabi minħabba nuqqas ta’ qbil.

Abela fakkar li l-Unjoni Ewropea kemm il-darba għamlet impenji fir-rigward tal-immigrazzjoni. Qal li iżda meta dawn l-impenji jaslu fil-fażi ta’ implementazzjoni, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda kontra ċ-ċrieki kriminali li jmexxu l-immigrazzjoni llegali ta’ diversi persuni, ma tantx qed isir.

“Il-baħar Mediterran huwa l-unika ħaġa li taqsam l-Unjoni Ewropea minn kontinent ieħor u għaldaqstant il-ħtieġa li jkun hemm koperazzjoni u ħidma viċin hija importanti mhux biss għas-sigurtà tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea iżda għall-paċi, l-iżvilupp ekonomiku u l-prosperità fir-reġjun”, stqarr Abela.

Abela għamel referenza wkoll għal dak li għaddej fil-Lvant tal-Mediterran u wera solidarjetà mal-kollegi Griegi u Ċiprijoti. Qal li Malta hija pajjiż newtrali u l-pożizzjoni tagħha hija ċara: “li s-sovranità tal-pajjiżi għandha tkun rispettata abbażi tal-liġijiet. Id-djalogu huwa l-mezz ewlieni għal din is-sitwazzjoni.”

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet għamlu wkoll l-interventi tagħhom il-mexxeja ta’ Franza, l-Italja, il-Greċja, Ċipru, Spanja u l-Portugall.