“L-UE ma tistax tħalli pajjiż jegħleb l-isfida tal-immigrazzjoni waħdu” – Prim Ministru

Fi stqarrija uffiċjali għall-Gvern Malti, il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li l-aħħar każ li jikkonċerna traġedja fost l-immigranti irregolari huwa konferma oħra kif l-Unjoni Ewropea ma tistax tħalli pajjiż membru waħdu biex jegħleb din l-isfida.

Il-Prim Ministru qal li issa qiegħed jistenna li mill-ġimgħa d-dieħla, meta se ssir il-konferenza Ewropea dwar ir-rilokazzjoni, l-Unjoni Ewropea tibda turi solidarjetà bis-serjetà. Qal din it-turija ta' solidarjetà trid tkun waħda ċara speċjalment mal-pajjiżi li l-aktar li qed jintlaqtu ħażin.

Filwaqt li juri solidarjetà mal-Gvern Taljan u mal-familjari tal-vittmi, il-Gvern Malti diġà għamel kuntatt mal-Prim Ministru Taljan dwar din it-traġedja. Il-Prim Ministru qal li mis-sena d-dieħla, il-Presidenza tal-Unjoni se tkun f'idejn l-Italja u l-Greċja u għalhekk l-immigrazzjoni irregolari se tkun għal sena sħiħa fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea.

Dr Joseph Muscat qal li Malta qed titlob reviżjoni tar-regoli Ewropej li jikkonċernaw l-ażil iżda fl-istess ħin qed tkompli tonora l-obbligi internazzjonali tagħha. Irringrazzja lill-membri kollha tal-Forzi Armati ta' Malta kif ukoll l-awtoritajiet Taljani li jaħdmu f'armonija mal-Maltin.

Dwar kummenti li dehru fil-midja Taljana, il-Prim Ministru qal li l-ebda kumment individwali mhu se jtappan ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn Malta u l-Italja.