L-UE lesta tiddiskuti ftehim ġdid għal Brexit jekk jinbidlu “s-sinjali ħomor”

L-Unjoni Ewropea qalet lill-Ingilterra li jistgħu jsiru diskussjonijiet għal ftehim ġdid dwar Brexit jekk Londra tibdel numru ta’ talbiet ewlenin li rreferew għalihom bħala ‘sinjali ħomor’. Dan wara li lbieraħ il-Membri Parlamentari Ingliżi ivvutaw kontra l-ftehim tal-Prim Ministru Theresa May.

Filwaqt li kien qed jindirizza l-Parlament Ewropew illum, in-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea Michel Barnier iddefenfa l-ftehim li kien ġie mfassal ma’ May u li lbieraħ ġie rrifjutat fil-Parlament Ingliż. Hu sostna li r-riskju ta’ fjask għall-Ingilterra huwa ikbar minn qatt qabel.

Barnier indika li l-pass li jmiss huwa li l-Ingilterra taċċetta li ssegwi aktar ir-regoli tal-Unjoni Ewropea sabiex tassigura li żżomm relazzjoni ta’ negozju mal-pajjiżi fi ħdanha fil-futur.

Fid-dibattitu wara l-vot fil-parlament tar-Renju Unit, l-MEPs enfasizzaw li l-pajjiżi Ewropej ser jibqgħu magħqudin u li l-prijorità għall-Parlament Ewrope tibqa’ d-drittijiet taċ-ċittadini.

L-MEPs saħqu li wara li l-parlament tar-Renju Unit irrifjuta l-qbil dwar il-ħruġ mill-UE u d-dikjarazzjoni politika, issa huwa f’idejn il-gvern u l-parlament tar-Renju Unit biex jinforma l-UE jekk hux possibbli li tinstab maġġoranza politika fuq xi tip ta’ relazzjoni possibbli mal-UE, saħqu l-MEPs.

Il-koordinatur tal-PE dwar il-Brexit, Guy Verhofstadt (ALDE, BE) appella għal djalogu bejn il-partiti fir-Renju Unit biex tintlaħaq maġġoranza favur pożizzjoni li twaqqaf l-impass u possibbilment tiddefinixxi mill-ġdid il-linji ħomor tar-Renju Unit. Huwa qal ukoll li bidla fil-pożizzjoni tar-Renju Unit tkun tista’ tippermetti relazzjoni futura profonda bejn ir-Renju Unit u l-UE.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant li kien ikun aħjar li l-UE indikat x’tip ta’ relazzjoni kienet tkun aċċettabbli għaliha u kien jinstab ftehim fuq din il-bażi ta’ prinċipju u ta’ politika. Fi stqarrija huwa qal li “proċess ta’ divorzju jkun immexxi tajjeb mhux biss billi jkunu ċari t-termini tas-separazzjoni, iżda billi r-relazzjonijiet futuri alternattivi jkunu ċari wkoll”.

Aqra aktar dwar x’ġie diskuss fil-Parlament Ewropew dalgħodu minn hawn.