L-UE ’l bogħod mill-miri dwar ir-riskju ta’ faqar

L-Unjoni Ewropea għadha ’l bogħod milli tilħaq il-miri tal-2020 fejn jidħol ir-riskju ta’ faqar u l-esklużjoni soċjali.

Ċifri tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, juru li sal-aħħar tas-sena 2017 kien għad hemm 111.9 miljun persuna fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jgħixu f’riskju ta’ faqar. Skont il-viżjoni Ewropa 2020, sal-aħħar tas-sena d-dieħla dan in-numru għandu jinżel għal 96.2 miljun persuna.

Il-miri tal-Ewropa 2020 huma iktar qrib li jintlaħqu f’setturi oħra bħalma huma r-rata tax-xogħol, l-edukazzjoni kif ukoll it-tibdil fil-klima. Sal-aħħar tal-2018, 73.2% tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea li għandha bejn l-20 u l-64 sena għandha impjieg. Il-mira tal-Unjoni Ewropea hi li din titla’ għal 75 % sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

Il-miri tal-2020 fil-qasam edukattiv huma fi triqithom li jintlaħqu wkoll. L-Unjoni Ewropea qed timmira li sal-aħħar tas-sena d-dieħla r-rata ta’ persuni bejn it-18 u l-24 sena li jħallu s-settur edukattiv tinżel għal 10%. Ir-rata sa tmiem is-sena li għaddiet kienet 10.6%.

Il-Eurostat juri wkoll progress sostanzjali mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fit-tibdil fil-klima u l-enerġija. Sal-aħħar tal-2017 il-persentaġġ tal-enerġija rinnovabbli mill-konsum kollu tal-enerġija kien 17.5%, hekk kif il-mira sal-aħħar tas-sena d-dieħla hija ta’ 20%.