L-UE kontra l-espansjoni permanenti tal-G7

REUTERS/Yves Herman

Read in English.

L-Unjoni Ewropea rrifjutat kull suġġeriment li l-G7, l-Grupp tal-aktar seba’ ekonomiji avvanzati fid-dinja, jista’ jkun estiż biex jinkludi r-Russja u wissiet lillI-Istati Uniti li ma setgħetx tbiddel ir-regoli tal-grupp waħidha.

Il-President Amerikan Donald Trump fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet iddeskriva l-G7 bħala “grupp antikwat ta’ pajjiżi” u qal li kien se jistieden il-mexxejja tal-Awstralja, ir-Russja, il-Korea t’Isfel u l-Indja biex jingħaqdu ma’ summit li kien pospost għal Settembru.

Kelliem tal-UE sostna li l-Unjoni Ewropea tikkunsidra l-G7 kien qafas multilaterali importanti u li ma jistax jinbidel b’mod permanenti mill-presidenza tal-grupp, li bħalissa hija l-Istati Uniti. 

“Il-parteċipazzjoni tar-Russja fil-G8 kienet sospiża sakemm ir-Russja tibdel ir-rotta u l-ambjent ikun jippermetti li jkun hemm diskussjoni raġjonevoli fi ħdanu. Dan bħalissa mhux il-każ, sostna l-kelliem.

Ir-Russja tkeċċiet minn dak li kien il-Grupp ta’ Tmienja fl-2014 mill-Presidenza ta’ Barack Odama, il-predeċessur ta’ Trump, wara li Moska invadiet u ħadet il-kontroll tar-reġjon tal-Krimea mill-Ukrajna. Ir-Russja għadha tikkontrolla dan it-territorju, u numru ta’ gvernijiet tal-G7 irrifjutaw sejħiet minn Trumpp biex Moska terġa’ tiddaħħal.

Il-kelliem Ewropew żied jgħid li “filwaqt li hija l-prerogattiva tal-presidenza tal-G7, f’dan il-każ l-Istati Uniti, li toħroġ stediniet lill-pajjiżi li jkunu mistiedna għall-okkażjoni, skont il-prijoritajiet tal-pajjiż li jkun qed jorganizza l-laqgħat, il-bdil tas-sħubija jew il-formatt fuq bażi permanenti mhux possibbli”.

Ir-Renju Unit u l-Kanada wkoll tkellmu kontra li r-Russja terġa’ tkun aċċettata fil-forum.

Saħansitra Moska jidher li kienet sorpriża b’din l-istedina, tant li uffiċjali diplomatiċi tagħha qalu li se jitolbu kjarifika minn Washington.

Il-Ministri tal-Finanzi tal-G7 se jiltaqgħu virtwalment illum mal-mexxejja tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Ewropew biex jiddiskutu l-pandemija tal-coronavirus u l-isforzi biex tkun miġġielda d-daqqa ekonomika li rriżultat minnha.

L-Indja, l-Awstralja u l-Korea t’Isfel qalu li rċivew stediniet biex jattendu s-summit estiż tal-G7.