L-UE kienet wissiet lill-Ġermanja biex iżżid is-sigurtà fuq l-ajruplani

Tul ix-xhur li għaddew, l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-sigurtà tal-ajruplani (Easa) kienet diġà wriet it-tħassib tagħha għan-nuqqas ta’ sigurtà fuq l-ajruplani Ġermaniżi. 
Fil-fatt, f’Novembru li għadda, l-Easa kienet talbet formalment lill-Ġermanja biex ittejjeb it-testijiet li jsiru fis-settur tal-avjazzjoni, inkluż dawk mediċi. 
Skont il-ġurnal Amerikan Wall Street Journal, l-awtorità Ġermaniża li tieħu ħsieb it-trasport bl-ajru (Lba) għaddejja minn kriżi, minħabba li m'hemmx biżżejjed ħaddiema u għalhekk dan jista’ jwassal biex jonqsu t-testijiet u l-ispezzjonijiet fuq l-ajruplani u l-ekwipaġġ, inkluż it-testijiet tas-saħħa. 
Din l-aħbar ħarġet proprju ġimagħtejn wara t-traġedja li ġrat qalb l-Alpi Franċiżi, meta ajruplan tal-linja tal-ajru lowcost Germanwings iġġarraf apposta mill-ko-pilota Andreas Lubitz, u b’kollox mietu 150 persuna. 
Intant, fis-sigħat li għaddew, Franza ddeċidiet li twaqqaf it-tfittxija għall-katavri tal-vittmi tat-titjira tal-Germanwings.  L-identifikazzjoni tal-vittmi se tkompli ssir permezz tat-testijiet tad-DNA.