L-UE jaf tapprova żewġ vaċċini kontra l-Covid-19 fi ftit ġimgħat

Hemm il-possibilità li f’Diċembru, l-Unjoni Ewropea tagħti l-approvazzjoni tagħha għaż-żewġ vaċċini li ġew żviluppati minn Moderna u Pfizer/ BioNTech.

Il-Ħamis li għadda, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li hemm ċans li l-Unjoni Ewropea tagħti l-approvazzjoni tagħha sal-aħħar tas-sena u dan ikun ifisser li l-vaċċin ikun jista’ jitqassam fl-Ewropa.

L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina (EMA) qalet li fid-diskussjonijiet tagħha mal-Food and Drug Administration fl-Istati Uniti tal-Amerka qablu li jissinkronizzaw l-evalwazzjonijiet tagħhom dwar dan il-vaċċin. Żiedu li jekk kollox imur sew, l-EMA tista’ tagħti l-approvazzjoni biex Pfizer/BioNTech u Moderna jkunu jistgħu jibdew id-distribuzzjoni tal-vaċċin minn nofs Diċembru li ġej.

Von der Leyen ġiet mistoqsija dwar il-possibilità li jintuża l-vaċċin li żviluppat ir-Russja u żiedu li l-Ungerija wriet interess f’dan il-vaċċin. Min-naħa tagħha von der Leyen qalet li l-UE se tkun attenta u kull vaċċin għandu jiġi approvat mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina.S’issa l-Kummissjoni Ewropea ffirmat ħames kuntratti għall-ordni bikrija ta’ vaċċini li potenzjalment ikunu approvati.