“L-UE hemm bżonn tindirizza kull theddid tal-libertà tal-midja” – Casa

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, saħaq li wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tindirizza t-theddid li qed joħolqu prattiċi li jmorru kontra l-ħelsien tal-midja.
Dan qalu permezz ta’ intervent waqt laqgħa tal-Kumitat għad-Drittijiet Ċivili, Ġustizzja u Affarijiet Interni fi Strasburgu fejn fakkar fit-talba tiegħu li jiġu proposti leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jiġġieldu kontra prattiċi abbużivi tal-iSLAPP.
L-iSLAPP hi tip ta' kawża li tinfetaħ minn individwu, korporazzjoni, gruppi jew politiċi li ma għandhom l-ebda intenzjoni li jirbħuha. Ħafna drabi kawżi dan it-tip huma intenzjonati biss biex jeħlu l-ħin u r-riżorsi ta' kontra min tinfetaħ.
Casa laqa’ l-aħbar tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, li l-kummissjoni qegħda tagħmel ir-riċerka neċessarja sabiex din it-tip ta’ leġislazzjoni tiġi ntrodotta.
Casa rrimarka li kien kiteb lill-Kummissjoni bosta drabi, sabiex dawn it-tip ta’ prattiċi jiġu indirizzati. Spjega li huwa inaċċettabbli li wieħed jaċċetta li kumpaniji li għandhom riżorsi limitati jheddu u jintimidaw il-midja indipendenti b’kawżi kbar f’ġurisdizzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea.
Irrefera wkoll għall-Bank Pilatus li qal li rnexxielu jaħbi l-verità u li pprova jiftaħ kawża kontra l-ġurnalista assassinata, Daphne Caruana Galizia, f’Ariżona fl-Istati Uniti.
Kompla jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha tkun fuq quddiem fil-protezzjoni tal-ġurnaliżmu investigattiv, iżda insista li l-Unjoni Ewropea għadha lura.