“L-UE għandha tinnota diż-żjara u titgħallem minn pajjiżi bħall-Ghana” – il-President

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li l-Unjoni Ewropea għandha tinnota ż-żjara li Malta organizzat mal-Ghana sabiex tieħu l-opportunità u titgħallem minn pajjiżi żgħażagħ u li qed jikbru bħall-Ghana.
Flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, il-President żaret ir-Repubblika tal-Ghana, pajjiż fin-Nofsinhar tad-deżert Saħara.
Din kienet l-ewwel żjara statali Maltija f’din il-parti tal-kontinent Afrikan.
Hija u tesprimi sodisfazzjon għal din il-laqgħa, Coleiro Preca tkellmet nal-President Ghani, Nana Addo Dankwa Akufo-Addo, u flimkien iddiskutew fejn aktar iż-żewġ pajjiżi jistgħu jimirħu sabiex jisfruttaw il-potenzjal politiku, soċjali u ekonomiku ta’ bejniethom.
Waqt iż-żjara ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim dwar Konsultazzjonijiet Poltiċi bejn iż-żewġ naħat, li jwitti t-triq għal aktar skambji politiċi fil-ġejjieni bejn il-Ghana u Malta.
Il-President temmet billi rreferiet għas-Summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika, li mistenni jsir fil-jiem li ġejjin, u tennet li ż-żjara Maltija fil-Ghana għandha sservi ta’ eżempju għall-mexxejja Ewropej u Afrikani li se jkunu qed jattendu s-summit.
B’konformità mal-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u l-Miri għall-iżvilupp Sostenibbli misjuba fl-aġenda, Malta nediet ukoll għadd ta’ boroż ta’ studju lil studenti Ghanin u Niġerjani, kif ukoll se tkabbar il-firxa ta’ boroż ta’ studju f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.