L-UE fiduċjuża li l-ewwel dożi tal-vaċċin jaslu sal-aħħar tas-sena

FILE PHOTO: REUTERS/Baz Ratner

Read in English.

L-Unjoni Ewropea qed tittama li tirċievi 30 miljun doża tal-vaċċin potenzjali kontra l-COVID-19 sa tmiem is-sena. Din l-ewwel kunsinna hija parti minn ftehim li ntlaħaq mal-fornitur tal-mediċini Brittanniku AstraZeneca, skont stqarrija ta’ uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea l inħarġet nhar il-Ħamis.

Jekk wieħed jikkalkula vaċċin għal kull persuna, din il-kunsinna tkopri madwar 6-7% tal-popolazzjoni tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea ħallset 336 miljun euro ($397.8 miljun) bħala pagament bil-quddiem lil AstraZeneca sabiex tiggarantixxi kunsinna ta’ mill-anqas 300 miljun doża tal-vaċċin potenzjali tal-kumpanija, bil-possibilità li tixtri 100 miljun doża oħra.

“Aħna rridu li l-istati membri kollha jkollhom l-istess prezz, iżda nixtiequ wkoll li jirċievu l-vaċċin fl-istess ħin. Dan ifisser li nkunu rridu niftehmu ma’ AstraZeneca li sal-aħħar tas-sena nkunu rċevejna ċertu numru ta’ dożi – nisperaw li nirċievu 30 miljun vaċċin,” qal l-uffiċjal.

“Dawn id-dożi se jitqassmu pro-rata fost l-istati membri, u nibqgħu nagħmlu dan sakemm nirċievu t-total ta’ 300 miljun doża li qbilna dwarhom.”

L-uffiċjal spjega wkoll li l-Kummissjoni Ewropea nnifisha ma kinitx proprjetarja tal-vaċċini. Is-27 stat membru tal-UE, li lkoll għażlu li jkunu parti mill-ftehim, se jkollhom jixtru l-vaċċini tagħhom. Huma stess għandhom jiddeċiedu lil min se jagħtu l-vaċċin l-ewwel.

Brussell tinsab ukoll f’diskussjonijiet avvanzati ma’ Johnson & Johnson, Sanofi, Moderna u CureVac biex tikseb parti mill-vaċċini potenzjali tagħhom.

L-uffiċjal tal-Kummissjoni qal li din kienet fiduċjuża li tkompli d-diskussjonijiet ukoll ma’ Pfizer u BionTech għall-vaċċin li   qed jiżviluppaw flimkien.