L-UE b’riforma radikali fil-politika dwar l-immigrazzjoni

Proposta biex il-persuni salvati jitqassmu bejn l-Istati Membri

Ursula von der Leyen

Read in English.

Il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta ta’ bidlet radikali fil-politika dwar l-immigrazzjoni, bl-għan ewlieni li jissaħħaħ il-qafas legali tal-kontinent li jirregola l-politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil. L-UE qed tfittex li tindirizza sors ewlieni ta’ tħassib fost iċ-ċittadini tal-Unjoni, li fi stħarriġ is-sena li għaddiet kienu identifikaw l-immigrazzjoni bħala problema aktar urġenti minn kwistjonijiet oħra bħal bidla fil-klima jew l-ekonomija.

L-UE qed tipproponi li jitħaffef il-proċess kollu fi ħdan is-sistema tal-politika ta’ ażil u tfittex bilanċ fil-kuntest tal-prinċipji ta’ responsabbiltà u solidarjetà bejn il-pajjiżi. Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li dan hu kruċjali biex terġa’ tinbena fiduċja bejn l-Istati Membri u kunfidenza fil-ħila tal-Unjoni Ewropea li timmaniġġja din is-sitwazzjoni delikata.

Fl-istess waqt, l-UE se tfittex li ttejjeb ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi li minnhom qed jitilqu l-immigranti, permezz ta’ ftehmiet li jkunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat. Dan hu intiż li jindirizza kwistjonijiet bħat-traffikar tal-immigrati u se jippermetti li jinfetħu aktar rotot legali biex immigrati jidħlu fl-Ewropa. Madankollu, dawk li ma jkunux intitolati għall-ażil għandhom jintbagħtu lura, skont il-proposti mressqa.

Minkejja dan, persuni li jkunu salvati fil-baħar ikunu rilokati fost l-Istati Membri u mhux se jittieħdu passi kriminali kontra NGOs talli jkunu salvawhom.

Filwaqt li s-sistema ġdida hija bbażata fuq il-kooperazzjoni u flessibiltà, kontribuzzjonijiet obbligatorji se jkunu meħtieġa f’mumenti fejn ikun hemm aktar pressjoni fuq Stati Membri individwali. Filfatt, il-proposti jinkludu obbligu legali li kul Stat jospita numru ta’ refuġjati, xi ħaġa li pajjiżi tal-Lvant, bħall-Polonja u l-Ungerija qed jopponu bil-qawwa. Kull pajjiż se jkun qed jintalab jgħin b’modi oħra f’dik li l-Kummissjoni tiddefinixxi bħala “solidarjetà mandatorja”. Kull pajjiż se jingħata għajnuna ta’ 10,000 ewro għal kull adult li jiddaħħal fil-pajjiż.

Skont il-Kummissjoni, 1.5miljun barrani jidħlu jgħixu u jaħdmu legalment fl-Unjoni Ewropea kull sena, filwaqt li huma biss 140,000 l-persuni li jaslu b’mod irregolari.