L-UE ambizzjuża wisq bis-sistema ta’ protezzjoni minn perikli kimiċi – l-Awdituri

L-Awdituri qed jgħidu li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri m’għandhomx il-kapaċità li jimplimentaw is-sistema għall-protezzjoni tal-konsumaturi minn perikli kimiċi fl-ikel bis-sħiħ. Dan qalitu f’rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awditu

Huma qalu li l-qafas legali li jirregola s-sustanzi kimiċi fl-ikel, fl-għalf, fil-pjanti u fl-annimali ħajjin għadu qed jiġi żviluppat u għadu ma ġiex implimentat sal-livell previst fil-liġijiet tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw il-produzzjoni tal-ikel. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-ikel qed tesperjenza wkoll akkumulu ta’ xogħol b’lura fil-ħidma b’realzzjoni mas-sustanzi kimiċi. B’hekk f’ċerti partijiet tas-sistema li jgħinu biex jagħtu pariri xjentifiċi li jgħinu fit-tfassil tal-politika Ewropea mhux jaħdmu sew.

L-Awdituri qalu wkoll li l-kontrolli li jsiru mill-korpi pubbliċi jistgħu jikkostitwixxu biss proporzjon żgħir tal-kontrolli kollha li jitwettqu. Huma ssuġġerew li s-sistemi ta’ kontroll tas-settur pubbliku u dawk tal-privat għandhom jikkumplimentaw lil xulxin biex il-mudell maħruġ mill-Unjoni Ewropea jkun kredibbli.

Fl-istqarrija, l-Awdituri fost l-oħrajn irrakkomandaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tivvaluta l-bidliet potenzjali għal-leġiżlazzjoni li tirregola l-perikli kimiċi u tagħti lill-Istati Membri aktar gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ infurzar u ssaħħaħ il-proċeduri tagħha għall-moniteraġġ tal-konformità mar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-ikel. Huma rrakkomandaw ukoll lill-Kummissjoni biex tispjega x’azzjoni se tieħu dwar residwi tal-pestiċidi fl-ikel biex iżżomm l-istess livell ta’ aċċertament, kemm għall-ikel li jiġi prodott fl-Unjoni Ewropea kif ukoll għal dak li jiġi importat.