​L-udjenzi jitkellmu: Żieda ta’ 62%

L-ammont ta’ drabi li l-udjenzi daħlu (sessions) fi Newsbook.com.mt din is-sena, huwa ta’ 62% iżjed meta mqabbel mas-sena l-oħra.
Din mhix l-unika ċifra li turi li l-midja tal-Knisja qed tissaħħaħ u qed iżżid l-appoġġ tal-udjenzi Maltin.
Ċifri li joħorġu mill-Google Analytics juru li l-għadd ta’ dawk li jżuru s-sit (unique users) huwa ta’ 15% aktar mis-sena 2016. Dawk li jużaw Newsbook.com.mt qed jaqraw aktar paġni milli qatt kienu jaqraw. Bejn l-2016 u l-2017 dan l-għadd żdied bi 58%.
Dawn iċ-ċifri pożittivi ħafna jidhru aktar pożittivi għax huma ħafna akbar miż-żidiet li rreġistrat il-websajt bejn l-2015 u l-2016. F’dik is-sena kien hemm  żieda ta’ 7% f’dawk li użawh, 26% fl-ammont ta’ sessions u 16% fl-għadd ta’ paġni. Kif jidher tant tajjeb bejn l-2016 u l-2017 iż-żieda kienet tvarja minn doppju għal erba’ darbiet.
Anke l-paġna ta’ Newsbook.com.mt fuq Facebook żdiedet qatigħ u llum tlaħħaq aktar minn 81,000 like.
Ir-ranking ta’ Newsbook.com.mt fuq Alexa.com – is-sit li jkejjel l-udjenzi – issaħħaħ ħafna. Illum Newsbook huwa t-tieni l-aktar sit tal-aħbarijiet popolari bil-lingwa Maltija. Jikklassifika qabel l-iNews tal-General Workers’ Union, Netnews tal-Partit Nazzjonalista u One tal-Partit Laburista.
Google Analytics ma jipprovdux iċ-ċifri ta’ dawk li jisimgħu r-radju, iżda Facebook jipprovdi tagħrif dwar kemm nies jaraw il-programmi li l-RTK ixandar fuq Facebook. Minn Ottubru, RTK 103FM sar l-ewwel radju viżwali f’Malta u jxandar sitt sigħat ta’ programmi kuljum. L-istatistika turi li dawn il-programmi jirreġistraw 14,000 view kull ġurnata.
Kelliem għat-tmexxija tal-midja tal-Knisja qal li jinsabu sodisfatti ħafna bl-appoġġ dejjem jikber tal-udjenzi Maltin. Dawn iċ-ċifri jsaħħu l-impenn tagħna biex nibqgħu ngħollu l-livell tas-servizz li nipprovdu, temm jgħid l-istess kelliem.