L-SDM trid li r-rotot tat-trasport pubbliku jerġgħu lura għal li kienu qabel

L-SDM qed tistenna li Transport Malta terġa tirranġa s-servizz tat-trasport pubbliku għal dak li kien qabel it-tibdil fir-rotot tal-20 ta’ Diċembru li għadda.
L-għaqda tal-istudenti fi stqarrija qalet li Transport Malta mhix qed tħoss il-polz tal-istudenti speċjalment wara li uffiċjali tal-Awtorità qalu li s-servizz mar għall-aħjar bit-tibdil.
L-SDM qed issostni li filwaqt li hemm qbil dwar ir-rotta X1, li għandha terġa tiġi kif kienet qabel, tinnota li bosta rotot lejn l-Università tneħħew, inbidlu jew il-frekwenza tal-vjaġġi naqset.
L-għaqda tapprezza li żdiedu r-rotot lejn il-Junior College u temmen li għandhom jerġgħu jiżdiedu r-rotot lejn il-Higher Secondary kif ukoll lejn l-MCAST tan-Naxxar biex l-istudenti jaslu l-iskola fil-ħin.
Filwaqt li sostniet li l-istudenti m’għandhomx jistennew tliet xhur biex is-servizz jiġi għall-aħjar, l-SDM qed tħeġġeġ għall-firem f’petizzjoni onlajn.
Fil-preżent huma aktar minn 1,800 dawk li ffirmaw din il-petizzjoni biex ir-rotot madwar Malta u Għawdex jinbidlu għall-aħjar.