Filmat: L-SDM tirbaħ l-elezzjoni tal-KSU

L-istudenti Demokristjani Maltin reġgħu rebħu l-fiduċja tal-istudenti Universitarji biex imexxu l-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) għal sena oħra.
Il-President il-ġdid tal-KSU se tkun Carla Galea.
Din kienet l-aktar sena li fiha pparteċipaw studenti f’din l-elezzjoni b’rekord ta’ votanti. 6630 student ivvutaw dan iffiser li nofs l-istudenti fl-Università għażlu l-preferenza tagħhom.
Il-votazzjoni onlajn, li ntużat għall-ewwel darba f’dawn l-elezzjonijiet kienet il-fattur ewlieni li ħeġġeġ aktar studenti jirreġistraw il-preferenzi tagħhom għal dawn l-elezzjonijiet.
Il-għaqda studenteska Pulse reġgħet ikkontestat dawn l-elezzjonijiet wara nuqqas fiż-żewġ elezzjonijiet preċedenti.
Għadd ta’ studenti involvew ruħhom biex jgħinu lill-għaqdiet rispettivi tagħhom u jippromwovu l-ideat u proposti li tressqu kemm mill-SDM kif ukoll mill-Pulse.
Dan deher ċar fl-attendenza fid-dibattiti li saru mal-għaqdiet studenteski kif ukoll f’numru ta’ attivitajiet li ġew organizzati din il-ġimgħa.
Barra l-istudenti fl-Università ta' Malta, ivvotaw ukoll l-istudenti tal-Junior College, dawk fiċ-ċentru tal-Università fil-Belt Valletta kif ukoll dawk li jistudjaw fil-Kampus ta’ Għawdex.