L-RTK bl-aqwa aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti

Għall-iskeda tar-rebbiegħa, l-RTK żied il-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti u saħħaħ il-bulettini tal-aħbarijiet.
L-aktar bidla importanti l-RTK qed jagħmilha mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn l-4.30pm u s-6pm. Minflok mużika, daħħal programm ta’ ġrajjiet kurrenti mmexxi minn Sylvana Debono. Dan il-programm ma jinkludix biss diskussjonijiet imma wkoll kollegamenti bit-telefown ma’ nies li jkunu qed iħejju l-aħbarijiet.
Il-bidliet jibdew minn filgħodu. Waqt il-breakfast show, bdiet tixxandar ir-rubrika Paperscan, permezz ta’ tliet kollegamenti ta’ erba’ minuti l-wieħed bejn it-8am u d-9am. Paperscan huwa ppreżentat minn Gordon Pisani, Fr Joe Inguanez u Desmond Zammit Marmara. Din qabel kienet tixxandar fid-9am, iżda bil-bidla ta’ issa, l-analiżi tal-ġurnali jkunu jistgħu jisimgħuha wkoll dawk li jkunu qed isuqu lejn il-post tax-xogħol jew biex iwasslu t-tfal l-iskola.
F’12pm l-aġenzija tal-aħbarijiet Newsbook tippreżenta programm ġdid ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti ta’ nofs siegħa. Dan jinkludi l-kummentarji u aktar aħbarijiet dwar ġrajjiet li jolqtu d-dinja Kattolika.
Fi tmiem il-ġimgħa, it-tibdil ewlieni se jkun fil-programm ta’ ġrajjiet kurrenti ta’ nhar ta’ Sibt, Newsline, immexxi mill-Kap ta’ Newsbook Josianne Camilleri.
“Dawn huma bidliet importanti ħafna li għandhom jagħmlu lill-RTK bħala l-aktar stazzjon segwit għall-aħbarijiet u l-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti,” qalet Josianne Camilleri, il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Newsbook.