L-R-factor jitla’ 1.39 b’infezzjonijiet fil-komunità – Marmarà

“La l-prinċipju ta’ kontroll hu d-distanza soċjali, ma kienx lok għall-attivitajiet tal-massa”

Read in English.

Bħalissa l-R-factor, jiġifieri r-rata tat-trażmissjoni f’Malta qiegħda 1.39, simili għal dik tal-15 ta’ Mejju li għadda fil-qilla tal-pandemija. Dakinhar ir-rata li biha persuna tista’ tinfetta oħrajn kienet ta’ 1.3.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt l-istatistiku Dr Vincent Marmarà, spjega li din il-figura hija bbażata biss fuq il-każi fil-komunità u ma tinkludix persuni li ddaħħlu Malta f’ħidmiet ta’ salvataġġ.  Fisser li l-immigranti li nstabu pożittivi għall-Covid-19 huma cluster wieħed ikkontrollat. “Il-fatt li huwa iżolat jgħin hekk kif il-possibilità li dan il-grupp ta’ nies ixerred il-virus lil hinn mill-cluster huwa diffiċli”, żied jgħid.

Madanakollu, stqarr, li f’dawn l-aħħar tliet ġimgħat xorta rajna żieda fil-każijiet, “li anke jekk fil-maġġoranza tagħhom ġejjin minn clusters, iżda b’numru ta’ każijiet li qed isiru b’mod sporadiku jfisser li rridu nagħtu kas x’qed jiġri u jittieħdu l-miżuri ta’ mitigazzjoni neċessarji”.

“La l-prinċipju ta’ kontroll hu d-distanza soċjali, ma kienx lok għall-attivitajiet tal-massa”

Saħaq li wara li jiġru l-affarijiet, kulħadd jista’ jiġġudika u jgħid x’messu sar jew ma sarx. Insista li la l-prinċipju ta’ kontroll huwa d-distanza soċjali, l-attivitajiet tal-massa ma kienx hemm lokhom. “Il-fatt li kellna tliet clusters, li kollha għandhom oriġini ta’ attivitajiet tal-massa, jikkonfermaw li dan ma kellux isir. Wieħed jittama li jekk dawn l-attivitajiet jitwaqqfu jew jiġu kkontrollati, l-R-factor ma jkomplix jiżdied.

“S’issa kellna 3 ċikli”

Dr Marmarà spjega li sa issa kellna tliet ċikli:

  • L-ewwel fażi: Każijiet sporadiċi fil-komunità li kienu bdew jinfirxu imma ma kinux marbuta ma’ clusters
  • It-tieni ċiklu: Segwa l-ewwel wieħed u kien normali fid-dawl tat-tneħħija tal-ewwel sett ta’ miżuri ta’ restrizzjoni. Kellna żieda fil-bidu ta’ Ġunju, u dan kien ġej minn cluster partikolari. Minkejja li kien hemm żieda fil-każijiet, l-R Factor ma nbidilx, għax il-cluster kien ikkontrollat.
  • Iċ-ċiklu ta’ bħalissa huwa differenti. Għandu dominanza li ġejja minħabba li l-oriġini huwa minn clusters kbar. Filwaqt li dan huwa riskju u jżid in-numru, għandu l-vantaġġ li tikkontrollah. Minkejja dan f’dawn l-aħħar jiem qed naraw żieda tal-każijiet fil-komunità u b’hekk l-R-factor qabeż il-1.

“Dak li qed ngħixu bħalissa, fejn kważi nofs il-każijiet kollha ġejjin minn tliet clusters partikolari diġà jagħmel dan il-każ differenti. Ir-restrizzjonijiet kienu differenti u anke t-temp kien differenti. L-ewwel ċiklu kien ikkontrollat u b’hekk żammejna l-kurva ċatta bir-rata ta’ mwiet kienet baxxa ħafna, u min qabdu l-Covid-19, fil-maġġoranza ma kellhomx kumplikazzjonijiet”, temm jgħid Marmarà.