L-Osservatorju Sirjan jgħid li al-Baghdadi nqatel

L-Osservatorju Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem qal li għandu informazzjoni kkonfermata li l-mexxej tal-Istat Iżlamiku, Abu bakr al-Baghdadi, inqatel.
L-Osservatorju qal dan mal-midja internazzjonali jumejn biss wara li l-forzi Iraqini-Amerikani fl-Iraq ħadu lura lil Mosul mill-ISIS, dik li xi darba kienet il-fortizza tagħhom, u l-belt minn fejn al-Baghdadi kien iddikjara l-eżistenza tal-kaliffat tliet snin ilu.
Sax-xahar l-ieħor diġà kien hemm għajdut li al-Baghdadi nqatel minn attakki Russi mill-ajru fuq il-belt ta’ Raqqa, iżda dan qatt ma ġie kkonfermat mill-Istati Uniti. Anki l-Iraq kien xettiku dwar din l-aħbar.
Rami Abdulrahman, id-Direttur tal-Osservatorju, qal li l-informazzjoni li għandhom ġejja mingħand wieħed mill-ogħla mexxejja fl-ISIS, Sirjan li jinsab fiż-żona rurali fil-Lvant tas-Sirja.
Minkejja din l-informazzjoni li qed tingħad li hi ta’ min joqgħod fuqha, la l-Istati Unitiu lanqas l-uffiċjali Kurdi u Iraqini ma kkonfermaw il-mewt ta’ al-Baghdadi.
Lanqas il-midja msieħba mal-Istat Iżlamiku ma rrappurtat xejn.
Għalkemm għajdut dwar mewt al-Baghdadi qatt ma naqsu, ir-rappurtaġġ fis-Sirja tal-Osservatorju Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, liema organizzazzjoni hija bbażata fir-Renju Unit, kien dejjem wieħed kredibbli.