L-OSCE għandha rwol importanti għas-sigurtà fl-Ewropa

L-Organiżazzjoni għas-Sigurta’ u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) tista’ u għandha tieħu rwol deċisiv biex tipprovdi sigurta’ u stabilita’ fl-Ewropa u ‘l hinn minnha. Anke jekk l-isfidi kbar, is-Santa Sede temmen bis-sħiħ f’din l-Organiżazzjoni.
Din l-istqarrija għamilha il-Kardinal Paul Gallagher, Arċisqof ta’ Vjenna li hu wkoll is-Segretarju tal-Vatikan għar-Relazzjonijiet mal-Istati Barranin, f’diskors waqt  laqgħa tal-Bord tal-Kunsill Ministerjali tal-OSCE.
Il-Kardinal Gallagher qal li din is-sena ikkonfermat l-isfidi għas-sigurta’ u l-istabilita’ huma kbar, fosthom b’ħafna kunflitti antiki li ilhom għaddejjin għexieren ta’ snin li għalkemm ma jidhrux serji ħafna, qegħdin hemm.  Ma dawn wieħed irid iżid id-diversi attakki terroristiċi u episodji oħra ta’ vjolenza li seħħew f’diversi nħawi fl-Ewropa u barra minnha.  Is-Santa Sede hi mħassba tara l-qlub jibbiesu lejn l-imigranti u r-refuġjati u lejn vittmi ta’ diskriminazzjoni nġusta minħabba s-sess, ir-razza, il-lingwa jew ir-reliġjon tagħhom.
Is-Santa Sede hi dejjem lesta li tikkoopera ma’ kull awtorita’ nazzjonali jew internazzjonali u ma li ‘stakeholders’ kollha biex tkun salvata l-paċi. “Il-paċi m’hix mibnija biss fuq il-bilanċ tal-forzi, imma tinbena bil-moħħ, bil-qalb u bl-ideat. Il-bini u l-konsolidament tal-paċi hu obbligu morali u responsabbilta’ urġenti li trid tkun rafforzata b’kultura ta’ fiduċja mibnija fuq djalou veru”, sostna r-rappreżentant tal-Vatikan.
Kif innota l-Papa Franġisku, il-kisba tal-paċi titlob xi ħaġa ferm aktar fundamentali milli sempliċement jitwarrbu l-armamenti. “Il-kisba tal-paċi titlob li nedukaw għall-paċi, inwarrbu l-kultura tal-kunflitt li hi mmirata biex tbeżża’ lil ħaddieħor”.
“Jekk fuq il-kamp tal-battalja, id-djalogu jidher anqas sabiħ mill-ġlied, ir-riżultati tiegħu, jiġifieri paċi ġusta u dejjiema, huma ferm aktar ta’ benefiċċju għal eluf u miljuni li jistgħu jintlaqtu direttament jew indirettament mill-kunflitti armati”, insista l-Kardinal Gallagher.
Il-ħarsien tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali huma fattur essenzjali għall-paċi, il-ġustizzja u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-pajjiżi. Is-sigurta’ u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi jistgħu jkunu sostnuti jekk ma jkunux bażati biss fuq il-ħiliet politiċi u strateġiċi imma wkoll fuq il-ġustizzja, is-solidarjeta’ u r-rispett tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali.
“Jekk irridu l-paċi vera irridu nibdew billi niggarantixxu d-dinjita’ li tixraq lil kull persuna. Id-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali ma jistgħux ikunu separati mid-dover ta’ kull ċittadin li jirrispetta d-drittijiet tal-oħrajn u jaħdem favur il-ġid komuni. Drittijiet mingħajr responsabbiltajiet ma huma drittijiet xejn”, temm jgħid ir-rappreżentant tas-Santa Sede.