L-Ortodossi Griegi ta’ Ġerusalemm f’kawża quddiem il-Qorti Suprema tal-Iżrael

Wara deċiżjoni tal-Qorti fid-distrett ta’ Ġerusalemm, li kkonfermat il-bejgħ ta’ proprjetà tal-Knisja Ortodossa Griega lil grupp ta’ Lhud, Il-Patrijarka Grieg Ortodoss Theophilos III wissa li żżejjed kollu żejjed u ħabbar li kien se jieħu l-kwestjoni quddiem il-Qorti Suprema tal-Iżrael.
Il-każ kien beda lura fl-2004 meta tliet kumpanniji assoċjati mal-organizzazzjoni Lhudija “Ateret Cohanim” akkwistaw tliet binjiet – il-lukanda Petra, il-lukanda Imperial u dar residenzjali ħdejn il-Bieb ta’ Gaffa, f’Ġerusalemm – li kienu proprjetà tal-Knisja Ortodossa Griega, b’ċens fit-tul.
Dan il-bejgħ kien irrabja lill-Palestinjani  u wassal biex tneħħa mill-kariga tiegħu il-Patrijarka Irenaios, il-predeċessur tal-patrikjarka preżenti.
Il-Knisja Ortodossa Griega kienet opponiet għal dan il-fethim u qalet li dan kien illegali u mhux awtorizzat, u bdiet battalja legali biex takkwista dawn il-binjiet. 
Iżda fl-1 ta’ Awwissu l-Qorti ta’ Ġerusalemm ċaħdet it-talba tal-Patrijarka.
Fi stqarrija Theophilos III qal “qed nirrifjutaw pubblikament u b’mod ċar id-deċiżjoni inġusta tal-Qorti distrettwali.  Din il-battalja legali li ilha sejra għaxar snin spiċċat b’deċiżjoni inġusta li ma tatx każ l-evidenza konkreta u legali tal-patrijarkat li kienet turi b’mod ċar li ma kienx hemm rieda tajba, anzi kien hemm tixħim u konġura meta nbiegħu l-proprjetajiet tal-Knisja. Din id-deċiżjoni favur l-“Ateret Cohanim” tista’ tkun interpretata biss bħala politikament motivata”.
Il-Prelat qal li d-diċiżjoni tal-Qorti tolqot il-qalb tal-kwartier Nisrani tal-Belt il-Qadima u waslet fi żmien sensittiv u delikat, u żgur se jkollha effett negattiv kbir fuq il-preżenza tal-Insara fl-Art Imqaddsa.
Il-Patrijarka appella lill-Knejjes kollha fl-Art Imqaddsa għal laqgħa urġenti tal-mexxejja tagħhom. Hu appella wkoll lill-mexxejja tad-dinja biex jassiguraw li “f’dawn l-affarijiet jirrenjaw il-ġustizzja u l-libertà f’ġieħ il-paċi u ċ-ċittadini kollha tal-Art Imqaddsa