L-Orkestra Nazzjonali tuża credit card bla permess – NAO

Facebook - Malta Philharmonic Orchestra

L-Orkestra Filamornika ta’ Malta kienet qed tuża credit card mingħajr l-awtorizzazzjoni neċessarja, filwaqt li parti mill-ispejjeż imħallsa mill-istess credit card ma kinux sostanzjati b’dokumentazzjoni adekwata.

Dan ħareġ mir-Rapport Annwali tal-Verifika dwar il-Fondi Pubbliċi għas-Sena 2017. L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta r-Rapport lill-Ispiker tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Id-dokument jinkludi 22 rapport dwar il-ħidma ta’ diversi Ministeri, Dipartimenti u entitajiet tal-Gvern, kif ukoll analiżi tar-Rapport Finanzjarju għall-istess sena.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) innota li:

  • Ittri ta’ Rassigurazzjoni u Garanziji Bankarji qed joqorbu lejn il- €1.2 biljuni;
  • Wara l-approvazzjoni tal-liġi li tamministra s-self tal-Gvern u l-kontroll fuq id-dejn pubbliku f’Lulju 2017, it-Teżor qed iħejji strateġija għall-immaniġġjar tad-dejn għal terminu medju
  • Bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern fl-implementazzjoni sħiħa tal-accrual accounting fil-Gvern Ċentrali, se tiġi introdotta, fost oħrajn, sistema ta’ corporate financial management, bi stima ta’ kważi €11.6 miljun, li €10.87 miljun minnhom huma eliġibbli għal Fondi Ewropej.

Fil-verifika tal-ispejjeż minfuqa biex inżammet il-Presidenza Ewropea 2017, l-NAO sab li l-informazzjoni li ngħatat lilu ma kinitx komprensiva biżżejjed kif ukoll ma kienx hemm verifiki adekwati qabel ma jiġu proċessati l-pagamenti.

Minn verifika tal-proċessi relatati ma’ studenti barranin li jkomplu l-istudji tagħhom fl-Università ta’ Malta, ħareġ li kien hemm nuqqas ta’ kontrolli interni, primarjament minħabba dokumentazzjoni frammentata li kienet qed tinżamm.

Analiżi fuq l-ispiża għas-servizzi offruti mill-Ministeru ta’ Għawdex lil anzjani u persuni Għawdxin b’diżabilità, ġew idenifikati nuqqasijiet fil-kontrolli interni, fis-sekwenza tat-tranżazzjonijiet, kif ukoll fil-moniteraġġ.

Nuqqas ta’ audit trail tat-tranżazzjonijiet flimkien ma’ element ta’ ġudizzju suġġettiv kienu nnotati fil-lotterija tal-irċevuti fiskali li tinżamm kull xahar mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku.

L-NAO kien sodisfatt bil-proċeduri u l-kontrolli fil-kalkoli tal-pensjoni tal-irtirar. Madankollu, minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani, il-pensjonijiet kontributorji ma kinux qegħdin jiġu evalwati fuq bażi annwali kif rikjest mil-liġi.

Għal dawn l-aħħar sentejn il-Kunsill Malti tal-Arti naqas milli jipprepara r-rapport finanzjarju. Irriżulta wkoll li ma hemmx kontroll adekwat biex jassigura li d-dħul li għandu jinġabar minn din l-entità qiegħed ikun verament miġbur. Ġie nnutat ukoll li ammont konsiderevoli ta’ xiri kien qiegħed isir permezz ta’ direct order.

Diversi nuqqasijiet ta’ kontroll ġew innutati fl-immaniġġjar tal-istokk ta’ mediċini u materjal kirurġiku fl-Isptar Monte Karmeli. Informazzjoni fuq is-servizzi mediċi mogħtija lil persuni barranin fl-Isptar Mater Dei mhix integrata mas-sistema li minnha joħorġu l-fatturi rispettivi.

Ir-Rapport sħiħ jidher fuq sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika www.nao.gov.mt.