L-Orkestra Filarmonika b’kunċert tal-Milied fid-Dar tal-Providenza

Ritratt: Melvin Bugeja

Nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru, il-Bank Ċentrali ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Malta Philharmonic Orchestra, tella’ kunċert tal-Milied għar-residenti tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.   Fost dawk preżenti kien hemm Dr Mario Vella, Gvernatur tal-Bank Ċentrali u s-Sinjura Victoria Vella,  Mro. Sigmund Mifsud, Chairman Eżekuttiv tal-Malta Philharmonic Orchestra u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Ritratt: Melvin Bugeja

F’diskors qasir tal-okkażjoni, Fr Martin Micallef f’isem ir-residenti rringrazzja lill-Gvernatur għan-nom tal-Bank Ċentrali li għoġbu jagħżel li jtella’ dan il-kunċert fid-Dar tal-Providenza bħala parti mir-responsabbilità soċjali korporativa tal-Bank.  Il-Bank Ċentrali kien wieħed mill-Corporate Sponsors tal-Orkestra mill-2017 u l-kunċert kien wieħed mill-attivitajiet li jagħmel fil-komunità.

Huwa fakkar li l-Bank Ċentrali sa mit-twaqqif tiegħu dejjem kien ta’ appoġġ lid-Dar tal-Providenza b’diversi inizjattivi li għalihom id-Dar hi ferm grata.  Fi tmiem id-diskors tiegħu Fr Martin ippreżenta tifkira lill-Gvernatur.