L-organizzaturi tal-attivitajiet tal-massa għandhom jinvolvu esperti tal-mard – WHO

UN Photo/Martine Perret

L-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO) qalet li organizzaturi tal-attivitajiet tal-massa għandhom jinvolvu esperti tar-risk assessments, tal-epidemjoloġija, u tal-kontroll tal-mard li jittieħed mill-bidu nett tal-ippjanar tal-avvenimenti tagħhom.

Il-WHO qalet dan fl-10 ta’ Lulju meta ħarġet għodda għar-risk assessments għall-attivitajiet tal-massa. F’Malta l-awtoritajiet tas-saħħa qajmu l-kwistjoni tar-risk assessments għall-attivitajiet tal-massa fit-30 ta’ Lulju wara li t-tobba u professjonisti tas-saħħa oħra qalu li se jsegwu azzjoni industrijali jekk l-attivitajiet tal-massa ma jitħassrux. Dan minħabba ż-żieda fil-numru ta’ każi ta’ coronavirus fl-aħħar jiem f’Malta.

Fil-31 ta’ Lulju l-Ministeru għas-Saħħa flimkien mas-Sovritendenza għas-Saħħa Pubblika nedew għadd ta’ standards għall-attivitajiet li fihom se jattendu n-nies.

Il-WHO tgħid li r-risk assessment tool tagħha huwa bbażat fuq tliet pilastri. Dawn huma l-evalwazzjoni, il-mitigazzjoni, u l-komunikazzjoni tar-riskji.

Il-WHO temmen li dawk il-pajjiżi li għandhom it-trażmissjoni fil-komunita għandhom jikkunsidraw b’mod serju li jipposponu jew inaqssu l-attivitajiet tal-massa li għandhom il-potenzjal li jamplifikaw il-mard.

Il-WHO tgħid li l-attivitajiet tal-massa għandhom il-potenzjal li jpoġġu piż fuq ir-riżorsi tal-ippjanar u tar-rispons ta’ pajjiż. Saħqet li l-awtoritajiet għandhom jaraw li attivitajiet spontanji jinżammu f’minimu peress li hemm ċans li ma jkunx sar ippjanar adegwat għal dawn l-attivitajiet.

Il-WHO tgħid ukoll li risk assessments ta’ attivitajiet tal-massa għandhom isiru mill-awtoritajiet tas-saħħa flimkien mal-organizzaturi. Tgħid ukoll li l-organizzaturi għandhom jassiguraw li l-pjanijiet tagħhom ikunu disponibbli għall-ħaddiema, għall-parteċipanti, u għall-pubbliku ġenerali.

Intant għalkemm l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin qalu li ħejjew diversi risk assessments tul il-pandemija tal-coronavirus, dawn ma ġewx ippubblikati minkejja diversi talbiet għal dan mill-midja.

Skont l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), dokumenti uffiċjali maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa juru biċ-ċar li s-Supretendenza tas-Saħħa hija kontra l-organizzazzjoni tal-avvenimenti tal-massa. Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni saħqet li l-awtoritajiet għandhom joqogħdu fuq il-pariri tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci u jħassru l-avvenimenti kollha tal-massa.