L-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta tissospendi membru li kiteb kontra l-Papa

Henry Sire, Kavallier li ilu żmien twil membru tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta, kien sospiż minn din l-organizzazzjoni wara li nkixef li hu l-awtur tal-ktieb kontroversjali “Dictator Pope”, bi ksur tal-kostituzzjoni tal-Ordni.
L-Ordni infurmat lil dan il-Kavallier bid-deċiżjoni tas-sospensjoni, jiem wara li sar magħruf li hu l-awtur tal-“Papa Dittatur”, liema identità kienet ilha moħbija għal ħafna żmien.
L-identità ta’ Sire bħala l-awtur tal-imsemmi ktieb kienet ikkonfermata l-ġimgħa li għaddiet minn Regenery Publishing,  id-ditta li ppublikat il-ktieb li f’riklam għall-ktieb fuq l-internet, poġġiet ismu bħala l-awtur. 
Oriġinarjament il-Kavallier kien ippubblika l-ktieb taħt il-psewdonimu ta’ Marcantonio Colonna, li kien kmandant fil-Battalja ta’ Lepanto.
Wara li kien mgħarraf bis-sospensjoni tiegħu mill-Ordni tal-Kavallieri, Henry Sire kiteb fuq ‘Twitter’ “Ninża' l-kappell lill-kbir Ammiral Colonna li ppruvajt nonora ismu.”
Il-ktieb “Dictator Pope” qajjem kontroversja kbira meta deher għall-ewwel darba f’Diċembru li għadda. Il-ktieb jgħid l-istorja ta’ Papa Franġisku, kif ukoll jitkellem dwar ħajtu qabel ma sar Papa u allegatament hu bbażat fuq numru ta’ dokumenti u sorsi kunfidenzjali fil-Vatikan.
Sire jidentifika lill-Papa Franġisku bħala figura partikolari Arġentina u jassoċja l-istil tat-tmexxija tiegħu ma’ dik ta’ Juan Peron.
Fi stqarrija li ħarġet l-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta iddiżassoċjat ruħha mill-ktieb u ddeskrivietu bħala “attakk vili” fuq il-Papa Franġisku.
Fi stqarrija l-Ordni qalet li “wara l-artikli fil-gazzetti li rrappurtaw l-isem tal-awtur tal-ktieb “Dictator Pope”, il-Maġisteru tal-Ordni iddeċieda li jissospendi lil Henry Sire, awtur tal-ktieb u membru tal-Ordni. Din is-sospensjoni hi b’effett immedjat filwaqt li ġiet skattata investigazzjoni dwar il-każ”.