L-ordinazzjonijiet saċerdotali fl-Istati Uniti mistennija jiżdiedu

Skont iċ-Ċentru tar-Riċerka fl-Apostolat tal-Istati Uniti, dawk li qed jistudjaw biex isiru saċerdoti matul din is-sena, kważi kollha, jiġifieri 90%, iddikjaraw li mat-twelid tagħhom tgħammdu bħala Kattoliċi.
Dawk li saru Kattoliċi aktar tard, l-età medja tagħhom kienet ta’ 26 sena. Il-ġenituri ta’ 85%  tas-saċerdoti prospettivi huma t-tnejn Kattoliċi u 35% għandhom xi ħadd jiġi minnhom li hu saċerdot jew reliġjuż.
In-numru ta’ ordinazzjonijiet potenzjali għal din is-sena hu ta’ 430 li hu anqas mill-590 li kien hemm is-sena li għaddiet.
Madankollu, il-Kardinal Joseph W. Tobin ta’ Newark, li hu ċ-Ċermen tal-Kumitat tal-Isqfijiet Kattoliċi għall-Kleru, il-Ħajja Kkonsgarata u l-Vokazzjonijiet, iqis din l-informazzjoni bħala waħda li tagħti lok għat-tama u t-tkabbir.
Għalkemm din is-sena n-numru ta’ ordinazzjonijiet saċerdotali se jkun anqas, l-informazzjoni miġbura u l-ġenerożità ta’ dawk li se jkunu ordnati, se tgħin fil-ħidma tal-ministeru tal-vokazzjonijiet fil-futur.
"Hu essenzjali li nkomplu nagħmlu l-isforz konxju biex ninkoraġixxu aktar żgħażagħ iwieġbu għas-sejħa t’Alla u ngħinuhom fil-proċess ta’ dixxerniment”, qal il-Kardinal.
Fost l-aktar indikaturi importanti minn din l-istatistika hu li 86% tas-saċerdoti kienu inkoraġġiti biex jagħmlu dan il-pass jew minn xi ħadd mill-familja, il-kappillan, xi ħabib jew xi parruċċan ieħor.  Dan għandu jimbotta lill-Insara li jinkoraġixxu attivament liż-żgħażagħ biex jaraw għal liema vokazzjoni Alla qed isejħilhom u jirrispondu b’ġenerożità.
Ir-riżultati ewlenin ta’ dan l-istħarriġ juru li sebgħa minn kull għaxra huma Amerikani. Wieħed minn kull għaxra huwa barrani.
Minn dawn il-barranin, l-aktar komuni twieldu fil-Messiku, il-Vjetnam, il-Filippini u l-Kolombja li l-maġġoranza tagħhom marru jgħixu fl-Istati Uniti meta kellhom 23 sena.
Dawn is-saċerdoti bdew jikkunsidraw is-saċerdozju meta kellhom 17-il sena u kienu jafu li jordnaw saċerdoti wara medja ta’ 18 il-sena fl-età ta’ 35 sena.
Bejn 39% u 47% ħadu l-edukazzjoni tagħhom fi skola Kattolika, filwaqt li 51% ipparteċipaw fi programmi reliġjużi fil-parroċċi tagħhom għal mill-anqas 7 snin. Kważi nofshom kisbu grad universitarju qabel daħlu fis-seminarju.
Żewġ terzi mis-saċerdoti għamlu esperjenza ta’ xogħol full-time qabel daħlu s-seminarju u 5% servew fil-Forzi Armati Amerikani.