L-Ordinazzjoni Episkopali ta’ Mons. Galea Curmi għall-4 ta’ Awwissu

Illum tħabbret id-data tal-ordinazzjoni episkopali tal-Isqof Awżiljarju l-ġdid ta’ Malta, Mons. Joseph Galea Curmi li se ssir fl-4 ta’ Awwissu, fil-Katidral tal-Imdina fis-7pm.

Il-Quddiesa se tkun immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna filwaqt li l-Isqfijiet Koordinati se jkunu l-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona u l-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech.

Qed tiġi organizzata wkoll velja ta’ talb lejliet l-ordinazzjoni fis-7.30pm fil-Knisja parrokjali ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara, fejn il-Mons. Galea-Curmi trabba u għex.

Il-komunità Nisranija qed tintalab tingħaqad mal-Mons. Galea Curmi f’dawn iż-żewġ okkażjonijiet u sabiex toffri t-talb tagħha għalih.

Bħala motto tal-episkopat tiegħu, il-Mons. Galea-Curmi għażel il-frażi vitam alere caritate, li tfisser “Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba”. Din ġiet ispirata mill-Evanġelu fejn Ġesù ħasel saqajn l-appostli.

Fi kliem l-Isqof Elett, “Il-ħajja hi sabiħa meta ngħixuha bl-imħabba għax hi l-imħabba li tgħin lill-bniedem isib il-milja ta’ ħajtu, kif uriena Ġesù.”

Aqra l-istqarrija sħiħa tal-Kurja: L-ordinazzjoni episkopali ta’ Mons. Joe Galea Curmi