L-Oratorju tas-Sależjani jirbaħ lill-coronavirus

Read in English.

Il-kumitat tal-Oratorju tas-Sależjani f’Tas Sliema kellu jagħlaq l-oratorju minħabba l-coronavirus iżda s-Sależjani li ilhom f’Malta mill-1903 ma kinux se jħallu virus jifridhom mill-ħidma tagħhom maż-żgħażagħ. Il-kumitat ħareġ bl-idea li l-Oratorju minflok jibqa’ jokkupa spazju fiżiku issa jibda jokkupa spazju fuq l-internet fejn iż-żgħażagħ xorta waħda jkunu jistgħu jibqgħu jiltaqgħu u jibqgħu attivi.  Ir-risposta kienet l-inizjattiva #oratoryathome.

Fiex tikkonsisti #oratoryathome?

“Din il-hashtag assigurat li nibqgħu nżommu kuntatt maż-żgħażagħ billi nużaw pjattaformi differenti mill-midja soċjali. Użajna diversi pjattaformi b’mod partikolari l-Instagram peress li qed naħdmu maż-żgħażagħ” qal lil Newsbook.com.mt Jeremy Sant Fournier, il-President tal-Kumitat.

Fost l-attivitajiet hemm l-Isfida tal-Ġimgha, kwiżż, Instagram takeovers, Sibtijiet Sostenibbli organizzati mit-Tim tal-Ambjent, skambju ta’ fatti u ġrajjiet ċajtiera u laqgħat għall-membri. Dawk li tkellmu magħna qalulna li jieħdu gost ħafna bl-attivitajiet u jieħdu parti attiva fihom. Hemm min jogħġbuh l-aktar il-kwiżż, oħrajn jippreferu jaraw it-takeovers fuq l-Instagram u oħrajn il-laqgħat ta’ nhar ta’ Ġimgħa.

Kif mistenni minn ordni reliġjuża bħas-Sależjani jingħataw importanza anke l-mumenti ta’ talb u spiritwalità, fosthom ir-rużarju u riflessjonijiet dwar il-Vanġelu tal-Ħadd.

Sant Fournier qal li l-ħidma mhux faċli iżda qed turi li l-Oratorju mhux il-bini iżda l-membri tiegħu li f’dan iż-żmien diffiċli xorta qed jingħaqdu flimkien. Qalilna li l-kumitat se jibqa’ jaħdem b’enerġija waqt li jittama li ma jkunx bogħod iż-żmien meta jkunu jistgħu jergħu jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ.

Min huma s-Sależjani

Is-Sależjani huma ordni reliġjuż imwaqqaf fis-Seklu 19 minn San Ġwann Bosco. Il-qassis mill-Italja ta’ Fuq iddedika ħajtu għall-ħidma fost iż-żgħażagħ. Il-familja Sależjana taħdem f’ħafna pajjiżi inkluż Malta. Huma attivi ħafna fil-ħidma edukattiva u f’ħidma maż-żgħażagħ.

Dan ir-rapport inkiteb Christina Lauri u Christabel Borg

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn