L-opra Tosca fit-Teatru Aurora

Fit-Teatru Aurora tar-Rabat Għawdex, fit-12 ta’ April, se titella’ l-opra “Tosca” ta’ Puccini. Din se tkun l-avveniment prinċipali tal-Gualitana: A Festival of Music, ta’ din is-sena.
L-opra se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Enrico Castiglione, wieħed mill-iprem diretturi tat-teatru u disinjaturi tax-xeni. Castiglione huwa magħruf għal numru ta’ xogħlijiet. Fost dawn fis-sena 2000, kien ikkummisjonat mill-Papa Ġwanni Pawlu II bħala direttur artistiku għall-50 kunċert tal-Ġublew.
Fl-opra se jieħu sehem diversi artisti prominenti. Fost dawn se jkun hemm Norma Fantini, Piero Giuliacci u Francesco Landolfi.
Il-kostumi ta’ din il-produzzjoni huma ddisinjati minn Sonia Cammarata, li ħadmet f’diversi produzzjonijiet li ġew trasmessi madwar id-dinja mir-Rai.
Waqt l-opra se jieħdu sehem ukoll l-Orkestra Nazzjonali u l-Kor Gaulitanus, taħt it-tmexxija ta’ Colin Attard.