L-Oppożizzjoni trid tkun taf it-termini ta’ referenza tal-inkjesta fuq l-Avukat Mercieca

Read in English.

L-Oppożizzjoni trid li l-Ministeru għall-Ġustizzja jippubblika t-termini ta’ referenza dwar l-inkjesta li nfetħet fuq l-Avukat Charles Mercieca, kif dan irreżenja mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-għada ngħaqad mad-difiża ta’ Yorgen Fenech, li huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ilbieraħ tħabbar fi stqarrija li l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ħatar lill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi biex imexxi inkjesta indipendenti. Il-Ministru Zammit Lewis ta lill-Imħallef Emeritu sa mhux aktar tard minn nhar it-Tlieta, 16 ta’ Ġunju, sabiex jikkonkludi l-inkjesta.

Stqarrija tal-Oppożizzjoni maħruġa dalgħodu u ffirmata mill-Avukat Jason Azzopardi bħala l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, tgħid li, “F’dan l-istadju u bla preġudizzju għal dak li l-Oppożizzjoni qed tirriserva li tgħid iktar ‘il quddiem, l-Oppożizzjoni ssaqsi lill-Ministru għall-Ġustizzja, x’inhuma t-termini ta’ referenza tal-inkjesta, Ministru?”

Azzopardi huwa wkoll ir-rappreżentant legali tal-familja Caruana Galizia.

Inkjesta ma tistax telimina d-dubju – Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia

Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia qalet li l-inkjesta ordnata mill-Ministru ma tistax telimina d-dubju għaliex mhijiex trasparenti.

Fi stqarrija, filwaqt li l-Fondazzjoni ammettiet li l-Imħallef Emeritu Azzopardi huwa wieħed rispettat, qalet li l-kwistjoni ewlenija hija barra mill-iskop tal-inkjesta. Ġie spjegat li l-inkjesta se teżamina biss jekk l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexiex mar-regoli applikabbli għall-impjegati li jitħallsu mill-fondi pubbliċi. Madankollu, qalet il-Fondazzjoni, l-inkjesta ma tistax tistabbilixxi minn fejn oriġinat u t-termini tar-relazzjoni bejn l-Avukat Mercieca u l-akkużat Fenech jew il-membri l-oħra tad-difiża tiegħu, Dr Gianluca Caruana Curran u Dr Marion Camilleri.

Il-Fondazzjoni ssoktat tgħid li l-inkjesta ma tistax telimina l-possibbiltà li Mercieca jaf kellu aċċess mhux awtorizzat għall-informazzjoni b’rabta mal-prosekuzzjoni ta’ Fenech, u xi prosekuzzjoni futura ta’ dawk involuti miegħu. “Ġustizzja sħiħa tfisser li jintemmu l-prattiċi korrotti li kienet tinvestiga Daphne Caruana Galizia,” tgħid l-istqarrija.

Malli ħarġet l-aħbar li Dr Mercieca beda jirrappreżenta lil Fenech jum biss wara li ħalla xogħlu fl-Uffiċċju tal-AĠ, il-familja tal-ġurnalista assassinata qalet li l-AĠ għandu jinvestiga l-aġir ta’ Mercieca.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja mbagħad ħareġ stqarrija biex jikkjarifika li fis-sena u fuqhom li Mercieca għamel jaħdem fl-Uffiċċju tal-AĠ, huwa ma ħadimx fuq il-każ tal-assassinju. Madankollu, il-Ministeru wera diżappunt fl-aġir tal-avukat żagħżugħ.

Il-Fondazzjoni diġà rreferiet lil Mercieca lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, li għandha l-poter li tneħħilu l-mandat biex jipprattika l-liġi. Il-Fondazzjoni kitbet ukoll lill-Avukat Ġenerali, tistaqsih għal klawżoli standard fil-kuntratti tal-impjieg fl-Uffiċċju tiegħu.