L-Oppożizzjoni trid lill-Ministru jwarrab minħabba l-każ ta’ Melvin Theuma

Aġġornat 05:15 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Rappurtaġġ addizzjonali: Paul Cachia mill-Parlament

L-Oppożizzjoni trid li l-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri jerfa’ r-responsabbiltà politika u jwarrab mill-kariga tiegħu wara dak li ġara lil Melvin Theuma.

Fi stqarrija maħruġa llum, il-PN qal li l-aħbar li Melvin Theuma jinsab fil-periklu tal-mewt turi kif l-Istat falla milli jipproteġi l-ħajja tal-iktar xhud importanti fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan wara li Theuma nstab ferut ġo daru f’dak li allegatament kien attentat biex iweġġa’ lilu nnifsu serjament. Huwa jinsab f’qagħda stabbli.

Melvin Theuma huwa s-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista. Theuma identifika lil Fenech bħala dak li ordna li jsir l-assassinju fuq il-ġurnalista. F’Novembru li għadda, Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali biex jgħid dak kollu li jaf fuq il-każ fil-qorti. Illum kellha anke titressaq il-qorti l-proklama li ngħatat lil Theuma wara talba mid-Difiża ta’ Fenech.

Ftit sigħat qabel ġara dan kollu, Theuma kien għand l-avukata tiegħu bi preparazzjoni għas-seduta tal-lum fil-qorti, li fiha kien se jkompli l-kontro-eżami fuq Theuma mit-tim tad-Difiża ta’ Yorgen Fenech.

L-Oppożizzjoni qalet li dawn l-aħħar żviluppi jikkonfermaw kif il-kriminalità ħakmet l-istituzzjonijiet Maltin u qiegħda tagħmel li trid. Skontha, “il-Gvern m’għandux ir-rieda u l-awtorità morali biex jiġġieled il-kriminalità. Minflok il-Gvern qed iħalli lill-kriminalità tgħolli aktar rasha.”

Fenech Adami fil-Parlament; il-Ministru Byron Camilleri jwieġeb

Intant, aktar tard fil-Parlament, id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami akkuża lill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri li bl-inkompetenza tiegħu ppreġudika x-xhud ewlieni fl-iktar każ importanti f’dan l-aħħar 50 sena. B’ton irrabjat, Fenech Adami staqsa jekk il-Ministru Camilleri hux se jerfa’ r-responsabilità politika hekk kif isir f’pajjiż diċenti u normali. Huwa qal li rrispettivament jekk dan kienx attentat jew inkella Theuma weġġa’ lilu nnifsu, Camilleri kellu r-responsabilità li jipproteġih.

Wara l-mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri stqarr li hu kien infurmat bil-każ ta’ Melvin Theuma mill-Kummissarju tal-Pulizija għal ħabta tad-8.45pm u m’għandux iktar informazzjoni minn dik li ngħatat mill-Pulizija fl-istqarrija kif ukoll fil-konferenza stampa ta’ dalgħodu. Huwa qal li l-interess tiegħu huwa t-tfittxija għall-verità u mhux se jaqa’ fil-logħba tad-deputat Nazzjonalista li fi kliemu pprova jinjora l-fatti u jagħmel diskors pratiġġjan.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia stqarr li l-pajjiż jinsab f’mument drammatiku ieħor u staqsa lill-Ministru kellux xi tip ta’ żvilupp ta’ l-aħħar sigħat.

It-talba għar-riżenja mossa ta’ opportuniżmu politiku – Il-PL

Il-Partit Laburista qal li l-Oppożizzjoni qed tagħmel allegazzjonijiet bla bażi filwaqt li tinjora l-fatti.

“Li titlob għar-riżenja ta’ Ministru ma hi xejn għajr stqarrija tipika ta’ min l-ewwel interess tiegħu mhux il-verità jew il-ġustizzja, iżda l-opportuniżmu politiku. Fuq kollox hija stqarrija li ġġib il-firma ta’ deputati li anke fl-aħħar sigħat deher li kellhom imorru lura minn dikjarazzjonijiet pubbliċi mgħaġġla. B’differenza, il-Gvern se jkun qiegħed iħalli l-investigazzjonijiet jaħdmu f’serenità.”

Bżonn l-għajnuna tal-Europol u l-FBI – AD u PD

Fi stqarrija konġunta, l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku qalu dak li ġara jikkonferma l-appell tagħhom sabiex tingħata għajnuna lill-Pulizija Maltija mill-Europol u l-FBI.

Huma qalu li dak li ġara jinkwetahom ħafna, u jeħtieġ li l-affarijiet jiċċaraw ruħhom. F’appell qalu, “Nitolbu lill-Pulizija li tistabbilixxi l-fatti kemm jista’ jkun malajr u li tara kif dan l-inċident seta’ ġara.”

Temmew jgħidu li l-każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia huma prova fundamentali għad-demokrazija, prova li ma tistax ma tingħelibx.